L-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali qed titlob aktar rispett mill-awtoritajiet lejn is-Sindki, Viċi Sindki u l-kunsilliera lokali. Dan b’referenza għal żjarat statali li jsiru fil-lokalitajiet.
Fi stqarrija, il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali Mario Fava stqarr illi huwa inaċċettabli illi l-Kunsilli Lokali jibqgħu jiġu njorati kull darba li ssir żjara statali ġewwa pajjiżna u l-istess Kap ta’ Stat jiġi mistieden iżur lokalita’ jew oħra.
“F’ċirkostanzi bħal dawn, il-Kunsill rispettiv għandu jkun infurmat u s-Sindku jkun mistieden għal din l-attivita’ li ssir fil-lokal tiegħu”, qal Fava.
“Din mhix biss kortesija u oservazzjoni tal-protokol imma wkoll rispett lejn il-kariga ta’ Sindku.
Dan imur lil hinn minn kull riforma li tista’ ssir u biex bil-fatti nagħtu l-għarfien li jistħoqqilhom lis-Sindki, Presidenti Reġjonali u Kunsilli Lokali”, ittemm tgħid l-istqarrija.