Lokali

Id-Direttur Artistiku ta’ V18 jagħti kuntratt lilu nnifsu ta’ €300,000

Mario Philip Azzopardi
Mario Philip Azzopardi jinqabad f'kunflitt ta' interess

Id-Direttur Artistiku ta’ Valletta 18 Mario Philip Azzopardi – li kien ripetutament fiċ-ċentru tal-aħbarijiet wara kummenti kontroversjali miktuba minnu fuq il-media soċjali – fix-xhur li għaddew allegatament ta kuntratt lilu nnifsu għall-produzzjoni ta’ film li tiegħu għandu hu stess id-drittijiet.

Jirriżulta li Mario Philip Azzopardi, bħala s-sid u l-Produttur Eżekuttiv tal-kumpanija privata ‘Staġun Teatru Malti’, kien il-moħħ wara l-produzzjoni ‘Ħabbilni Ħa Nirbaħ’ li kienet ittellgħet għall-palk ċirka sentejn ilu. Fil-verità dik kien ko-produzzjoni mat-Teatru Manoel; l-istess Teatru Manoel li miegħu Mario Philip Azzopardi għandu kuntratt esklussiv għall-produzzjonijiet teatrali Maltin.

Dik il-produzzjoni partikulari issa ngħażlet biex tkun fost il-proġetti ewlenin tal-programm Valletta 18. Dan billi din il-produzzjoni qed tinħadem bħala film b’baġit maħsub li jammonta għal xejn inqas minn €300,000.

Il-ġurnal In-Nazzjon illum żvela kif dan kollu jfisser nuqqas ta’ etika għaliex f’dan il-każ bl-aktar mod ċar Mario Philip Azzopardi qiegħed jinqabad f’kunflitt ta’ interess. Dan għaliex Mario Philip Azzopardi qiegħed jagħti lilu nnifsu dan il-kuntratt biex biċċa xogħol tiegħu stess tingħata l-fondi minn Valletta 18 u hekk tinħadem bħala film.