Lokali

Il-PN jitlob lill-Istituzzjonijet jieħdu azzjoni favur il-konsumatur

Sabiex in-nies ma jibqgħux iħallsux kontijiet għoljin tad-dawl u l-ilma

Il-Partit Nazzjonalista qed jitlob lill-istituzzjonijiet jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi Maltin u Għawdxin li ta’ kuljum qed jiġu mġegħla jħallsu kontijiet aktar spissi u aktar għoljin.

Il-Partit Nazzjonalista talab lill-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur, l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni u l-Uffiċċju tal-Konsumatur sabiex jinvestigaw l-kontijiet tad-dawl u l-ilma li qed jinħarġu mill-ARMS. Dan meta n-nies qed jirċievu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma aktar spiss u aktar għoljin. Il-Partit Nazzjonalista talab ukoll lill-istituzzjonijiet biex jieħdu l-passi kollha bil-liġi biex iħarsu l-interessi tal-konsumaturi Maltin u Għawdxin.

Il-Gvern qed iħaddem ħażin is-sistema tal-ħruġ tal-kontijiet li qiegħed iwassal biex tinqasam l-allokazzjoni annwali tal-unitstad-dawl u l-ilma fuq perjodi iqsar minn sena. Dan qed iwassal biex in-nies jispiċċaw jitilfu l-allokazzjoni tagħhom tal-unitsfuq it-tariffi l-baxxi u jkollhom iħallsu b’rati aktar għoljin milli suppost iħallsu. Dan kollu qed isir bi ksur tal-leġiżlazzjoni sussidjarja. Il-liġi tagħmilha ċara li jistgħu jintbagħtu kontijiet pro-rata lin-nies iżda t-tariffi għandhom japplikaw fuq il-konsum annwali, u allura l-konsum ta’ sena.

Mill-istħarriġ li l-Partit Nazzjonalista għamel fuq l-ewwel 100 kont li n-nies ġabu magħhom fid-Dar Ċentrali rriżulta li 80% tan-nies ħallsu aktar milli suppost. Din id-diskrepanza tvarja minn €6 sa €600 fis-sena. L-istatistika Ewropea tal-Eurostat ukoll ikkonfermat li n-nies qed iħallsu aktar għall-enerġija meta bejn l-2016 u l-2017, il-kontijiet li qed iħallsu l-konsumaturi żdiedu b’7.1%. Dan fi żmien meta l-Eurostat stess tgħid li l-prezz internazzjonali kien wieħed stabbli.

Din il-ġimgħa, l-Partit Nazzjonalista diġà talab lir-Regolatur għall-Enerġija u s-Servizzi tal-ilma biex dan ukoll jinvestiga l-kontijiet għoljin li qed joħorġu l-ARMS. Ir-Regolatur intalab ukoll biex jieħu l-passi meħtieġa biex in-nies ma’ jibqgħux iħallsu aktar milli suppost.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li f’soċjetà li jimpurtaha li l-konsumaturi jħallsu għad-dawl u l-ilma li jikkunsmaw mingħajr ma jispiċċaw jinsterqu.

Għalhekk jistieden aktar nies jiġu bil-kontijiet tagħhom ta’ sena fid-Dar Ċentrali. L-ittra lill-istituzzjonijiet ġiet ippreżentata mill- Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament David Agius, li kien akkumpanjat mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni għad-Drittijiet taċ-Ċittadin Claudette Buttigieg, il-President tal-Eżekuttiv l-Inġinier Mark Anthony Sammut, il-Kandidat l-Avukat Angelo Micallef u s-Soċjologu Michael Briguglio.