Il-Prim Ministru Spanjol, Mariano Rajoy, qed jidher qrib li jitlef il-poter meta għada jrid jgħaddi minn vot ta’ fiduċja kruċjali f’Madrid.
Dan wara li partit politiku żgħir qal, ftit ilu, li għandu jappoġġja l-mozzjoni ta’ sfiduċja f’Rajoy li kien ressaq il-Partit Soċjalista fl-Oppożizzjoni. Il-mozzjoni tressqet wara li l-Partit tal-Poplu (PP) tal-Prim Ministru Spanjol kien implikat fi skandlu kbir tal-korruzzjoni.
Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalist tal-Baski (PNV) mistenni jservi bħala xprun għat-theżżiża lill-Gvern Spanjol li qed tidher imminenti. Dan il-partit għandu ħames siġġijiet fil-Parlament u, issa, ħabbar biċ-ċar l-intenzjonijiet tiegħu għall-vot ta’ għada.
Il-vot tal-PNV favur il-mozzjoni ta’ sfiduċja kapaċi jagħti l-poter lill-Kap Soċjalista, Pedro Sanchez, li jeħtieġ maġġoranza ta’ 176 fil-Parlament biex jieħu t-tmexxija tal-pajjiż.
Sanchez qed iħeġġeġ biex Rajoy iwarrab mill-poter qabel il-vot iżda dan, s’issa, irrifjuta li jagħmel hekk.
//= $special ?>

