Lokali

Jingħata bidu għat-12-il edizzjoni ta’ Earth Garden

‘Il fuq minn 30 band internazzjonali, 150 artist, 5 zoni ta’ mużika differenti, 2 zoni ta’ kkampjar, numru ta’ stands tal-ikel, suq etniku u zoni għar-rilassament huma fost l-elementi li ser isawwru l-Festival Internazzjonali Earth Garden ta’ din is-sena.

Din se tkun it-12-il edizzjoni tal-festival, li ser jittella f’Ta’ Qali, u li mistenni jiġbed udjenza ta’ ‘l fuq minn 150 000 ruħ.

Il-festival huwa magħruf għall-mużika ta’ ġeneri varjati tiegħu, fosthom Blues, Jazz, Funk u Reggae, iżda wkoll ġeneri inqas magħrufa bħal Ska, Dub, Gypsy Punk u oħrajn.

Dan il-festival, bħal kull sena, se jkun qed jippromwovi l-ħarsien tal-ambjent billi jiġu utilizzati tazzi li jistgħu jinħaslu u jerġgħu jintużaw.

Earth Garden mhuwiex sempliċi festival tal-mużika, iżda huwa esperjenza pjaċevoli ta’ ħsejjes oriġinali, kuluri vibranti, togħmiet eżotiċi u aktar.

L-organizzaturi ħasbu wkoll għal zona għat-tfal fejn se jkun hemm logħob u attivitajiet bħal facepainting fost l-oħrajn.

Il-festival se jjiftaħ il-Ħamis 31 ta’ Mejju u jintemm il-Ħadd 3 ta’ Ġunju.