Lokali

L-avventura ta’ Emma – la waslet s’hawn tista’ tirbaħ

Rosanna Muscat, omm Emma, it-tfajla Maltija li għamlitha għas-semi finali tal-programm Taljan Amici di Maria de Filippi tkelmet f’intervista li saritilha waqt il-programm Net Live.

Hija saħqet qisha ħolma li qed tara lil bintha tagħmel suċċess fuq programm li proprju kienet tieħu gost ssegwi hija stess fl-edizzjonijiet ta’ qabel. Rosanna insistiet li huwa ta’ unur kemm għaliha kif ukoll għal Emma li tul dawn l-aħħar xhur kellha diversi dwetti ma numru ta’ kantanti stabbiliti fosthom, Alice Merton u Albano.

Hija spjegat li qabel tmiem il-ġimgħa li għaddiet kienet ilha ma tara lil Emma 11-il ġimgħa sħaħ. Rosanna saħqet li qatt ma stenniet li bintha, f’età ta’ 18-il sena kienet ser tgħix waħeda għal 5 xhur, avolja fi skola xorta waħda ‘il bogħod mill-familja.

Hija rrakontat li bintha nġibdet lejn il-mużika fl-età ta’ 5 snin u ta’ 14-il sena iddeċidiet li tidħol għall-kompetizzjonijiet tal-kant u minn hemm ‘il quddiem ma waqfetx.  Rosanna rrakkontant li l-mużika qiegħda fil-familja madanakollu Emma hija l-ewwel waħda fosthom li nxteħtet fuq il-kant ukoll.


Saħqet ukoll li huwa ta’ unur kbir li r-record label ta’ Warner Music jixtiequ jaħdmu ma’ Emma, ankè l-fatt li jafu min hija bintha hija xi ħaġa li wieħed għandu japprezza.

Madanakollu meta kienet mistoqsija dwar il-kompetitriċi diretta ta’ Emma, Carmen, saħqet li bintha qatt ma qalet xejn kontriha  u ma tafx għal liema raġuni fl-aħħar jiem il-kantanta Taljana bdiet tgħid kontriha. Rosanna saħqet li Emma ma tintilifx f’diskors ta’ tgħajjir u twassal ir-risposta bil-kapaċitajiet tagħha.

Rosanna insistiet li la Emma waslet s’hawnhekk għandha ċ-ċans kollu li tikseb ir-rebħa.

Tul dawn l-aħħar xhur Malta u Għawdex segwu b’ċertu ħerqa l-avventura tat-tfajla Maltija  u żgur li nhar il-Ħadd ser ikunu bosta dawk li ser jintefgħu quddiem it-televiżjoni jsegwu lil Emma jew saħansitra jmorru fl-attività organizzata fil-Bajja ta’ Spinola apposta għall-okkażżjoni.

Ikkummenta