Lokali

Ordnat iħallas €234,129 f’salarji b’lura lil ħmistax-il baħri

Is-super-jott 'Indian Empress' li hu maqbud f'Malta

Is-suppost miljunarju Indjan Vijay Mallya, li hu wkoll is-sid tas-super-jott lussuż ‘Indian Empress’ li għadu maqbud f’Malta, issa kien ordnat mill-Qorti ta’ Malta biex iħallas €234,129 f’salarji b’lura lil ħmistax-il baħri li kienu jaħdmu fuq dan is-super-jott.

Din iċ-ċifra tkompli tiżdied ma’ ordnijiet simili oħrajn li l-istess Vijay Mallya għandu fuq rasu, fosthom ordni għal ħlas ta’ €600,000 lil kumpanija li fornietu bi fuwil u €92,000 lil senior staff tiegħu. B’kollox dawn il-ħlasijiet dovuti minnu jammontaw għal ċirka miljun ewro.

Sadattant is-super-jott għadu maqbud fil-gżejjer Maltin – issa saga li daħlet fit-tielet xahar tagħha – u l-membri tal-ekwipaġġ tal-‘Indian Empress’ għadhom ma abbandunawx is-super-jott minkejja li kollox jindika li s-sid tiegħu iżda ma jridx jaf aktar bl-istess ‘ġugarell’ li tant iddandan bih għal ħafna snin.
Il-Qorti ta’ Malta, immexxija f’dan il-każ mill-Imħallef Toni Abela, ordnat lil Vijay Mallya biex jonora salarji pendenti li jmorru lura għal Settembru tas-sena l-oħra.

Kien irrapportat kif Vijay Mallya kien xtara dan is-super-jott mingħand Xejk fil-Qatar għall prezz ta’ $113 miljun fl-2006. F’Malta hu kien jirmiġġa dan is-super-jott f’Manoel Island.

Kien f’Marzu li għadda li l-Awtoritajiet Maltin qabdu taħt idejhom dan is-super-jott li jiswa $93 miljun wara l-proprjetarju tiegħu – il-Baruni Vijay Mallya – ma ħallasx is-salarji tal-ekwipaġġ u liema salarji issa jammontaw għal aktar minn miljun Dollaru.

Is-super-jott, bl-isem ‘Indian Empress’ u li għandu tul ta’ 95 metru, twaqqaf fil-gżejjer Maltin hekk kif l-Awtoritajiet tal-Port imbarkaw fuqu invista ta’ azzjonijiet legali immedjati biex jimpedixxuh milli jħalli l-ibħra Maltin. Minħabba f’hekk is-super-jott issa ilu maqbud f’Malta għal bosta jiem sakemm is-sidien tiegħu ipaċu s-salarji kollha tal-ekwipaġġ abbord.

Fl-aħħar ġimgħat dan il-każ ingħata importanza wkoll mill-media internazzjonali li qed jirrapportaw kif is-sid tas-super-jott, il- Baruni Vijay Mallya allegatament ma kienx onora l-ħruġ ta’ bosta salarji lill-ekwipaġġ tas-super-jott li b’kollox jammontaw għal erbgħin persuna.

Jirriżulta li l-ekwipaġġ ilu minn Settembru tas-sena l-oħra ma jingħata s-salarji dovuti lilu bil-konswegwenza li issa dawn l-ammonti kibru u l-istess ekwipaġġ qed jibża’ li wara x-xogħol kollu li għamel jibqa’ b’xiber imnieħer.

Abbord l-‘Indian Empress’ hemm ekwipaġġ internazzjonali li jinkludi ħaddiema u baħrin mill-Indja, oħrajn mill-Ewropa tal-Lvant kif ukoll mir-Renju Unit.

Skont il-media Ingliża li qed issegwi dan il-każ b’interess kbir: “Vijay Mallya is among 53 persons, who are facing prosecution complaints from the Enforcement Directorate under the Prevention of Money Laundering Act, 2002, and they are absconding, the Ministry of External Affairs (MEA) had said in July last year.”