– Robert Cutajar, PN
Meta kien qed jitkellem fid-dibattitu parlamentari dwar ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-ħasil tal-flus u l-evażjoni tat-taxxa f’Malta, il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar sostna li mhux biss l-Oppożizzjoni qed issostni li l-istituzzjonijiet tal-pajjiż mhux jiffunzjonaw iżda anki politiċi barranin u Ewropej.
Robert Cutajar qal li hi ħasra li l-pajjiż wasal s’hawn għaliex kieku kulħadd refa’ r-responsabbiltajiet tiegħu u mexa b’lealtà lejn ir-responsabbiltajiet tiegħu, il-parlament ma kinx jasal biex jiddiskuti l-mozzjoni. L-istituzzjonijiet fil-pajjiż mhux jaħdmu; dan mhux qed tgħidu l-Oppożizzjoni iżda d-Dekan tal-Fakulta tal-Liġi Kevin Aquilina, Ewroparlamentari, membru parlamentari Rumena u t-Transparency International Index.
Robert Cutajar semma l-Avukat Ġenerali u l-Pulizija u qal li dak li qed isir illum m’għandu x’jaqsam xejn ma’ dak li kien isir taħt gvern Nazzjonalista. Hu semma lis-Slovakkja u qal li Malta mhix miexja b’mod normali. F’Ottubru 2017 inqatlet Daphne Caruana Galizia iżda sal-lum ħadd mill-Gvern u l-istituzzjonijiet ma refa’ r-responsabbiltà politika waqt li fis-Slovakkja ġara każ simili iżda kien hemm ħafna riżenju politiċi u minn uffiċjali tal-awtoritajiet.
Robert Cutajar kompla li kull kuntratt fl-aħħar 16-il xahar kien imdawwar minn korruzzjoni b’nies involuti mal-Gvern. Malta tilfet il-miljuni mill-ftehim mal-Ażerbajġan. Rapport tal-OSCE semma’ l-ammont ta’ impjiegi u promozzjonijiet li ngħataw qabel l-elezzjoni. Il-PBS qed jonqos bil-kbir u anki dwar dan tkellem ir-rapport tal-OSCE.
//= $special ?>