It-temperaturi fin-naħat ta’ fuq tal-Ewropa qegħdin jiksru rekords tas-sħana, b’mod partikulari f’pajjiżi bħad-Danimarka u n-Norveġja – fejn in-nies qegħdin jinżlu jgħumu fil-fjords, ġimgħat qabel il-bidu uffiċjali tal-istaġun tas-sajf.
It-temperaturi fil-muniċipalità ta’ Etne, fin-Norvejġa, laħħqu t-33 grad Celsius li hu rekord għal Mejju. Dan meta fid-Danimarka, ix-xahar li għadda, kien stabbilit rekord ‘għall-perjodi tax-xemx’ li qabeż ir-rekord preċedenti għal Mejju fil-pajjiż partikulari.
Kien mistenni wkoll li jinkiser ir-rekord tas-sħana għal Mejju (li jmur lura għall-1889) fid-Danimarka u meta l-medja tas-sħana għax-xahar li għadda f’dak il-pajjiż kellha tkun stabbilita mal-15.1 Celsius ( bir-rekord antik ikun ta’ 13.8 Celsius).
It-temp sħun ‘straordinarju’ fir-reġjun tas-Skandinavja hu dovut għall-pressjoni għolja fuq it-Tramuntana tal-Ewropa li ilha mill-bidu ta’ Mejju. Iżda għadu kmieni wisq biex wieħed jgħid jekk il-fenomenu hux relatat għal xejriet tal-global warming.
Ix-xahar ta’ Mejju ġab ukoll sħana qawwija fil-Polonja u t-Tramuntana tal-Ġermanja fejn il-bdiewa lmentaw dwar ‘il-ħsarat tan-nixfa’ għall-prodott agrikolu.
Sħana rekord f’pajjiżi Skandinavi


