Atletika Sport

ATLETIKA: Bolt mhux se jieħu lura d-disa’ midalja tad-deheb

Deċiżjoni meħuda lbieraħ mill-qorti tal-arbitraġġ tal-isport (CAS) tfisser li Usain Bolt mhux se jieħu lura d-disa’ midalja tad-deheb mirbuħa fil-karriera brillanti tiegħu.

Il-CAS ċaħdet l-appell ta’ Nesta Carter kontra l-iskwalifika li kienet imposta fuqu wara li kien instab ħati ta’ doping fl-Olimpijadi ta’ Beijing fl-2008. Il-każ ta’ doping kien inkixef tmien snin wara meta saru iktar testijiet avvanzati fuq il-kampjuni meħuda waqt il-logħob.

Carter kien ħa sehem fit-tim Ġamajkan tar-relay 4x100m u kien ġera l-ewwel frazzjoni, b’Usain Bolt jiġri t-tielet frazzjoni.

Il-Ġamajka kienu rebħu d-deheb f’ħin rekord dinji ta’ 37.10 sekondi. Fil-verdett tagħha l-CAS qalet li ma tista’ tilqa l-ebda waħda mill-argumenti mressqa minn Carter.

Dan il-verdett ifisser ukoll li Bolt issa tilef ir-rekord li kellu li jirbaħ id-deheb fil-100m, 200m, u 4x100m fi tliet Olimpijadi konsekuttivi, dawk tal-2008, 2012 u 2016.