Il-Kunsill Lokali tal-Gżira tlaqqa’ b’mod urġenti wara l-każ ta’ aggressjoni li kien hemm fuq il-kunsillier tal-Partit Nazzjonalist Jeremy Cardona fl-aħħar ġranet.
Il-Ħamis Jeremy Cardona stqarr ma’ NET News li wara l-attentat, għal darba darbtejn is-sewwieq qallu: “Għax ma qgħadtx fin-nofs ħa ntajrek” u nfexx jgħajru bi kliem oxxen.
Każ li seħħ l-Erbgħa, għall-ħabta tal-4.30 ta’ waranofsinhar, fi Triq ix-Xatt kantuniera ma’ Triq il-Belvedere fil-Gżira – il-lokalita’ fejn Cardona huwa Kunsillier tal-Kunsill Lokali f’isem il-Partit Nazzjonalista.
Fil-laqgħa, ġie deċiż li l-binja ta’ Kunsill ma tiftaħx sa nhar it-Tlieta li ġej. Dan sabiex jitwassal messaġġ lill-kuntratturi u persuni involuti fis-settur tal-kostruzzjoni.
Il-kunsillier tal-PN qed jallegga li l-aggressjoni fuqu saret minn persuna involuta fil-qasam tal-kostruzzjoni. Filwaqt li mhux magħrufa x’kienet l-intenzjoni tas-sewwieq, NET News jinsab infurmat li r-raġel huwa magħruf mal-Pulizija u wara dan l-inċident mistennija jittieħdu passi fil-konfront tiegħu.
Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Kunsill iddeċieda li flimkien mar-residenti, nhar it-Tlieta se jorganizzaw dimostrazzjoni fi Triq Stuart fis-6:30pm.
Stqarrija mill-MDA
Intant, l-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin qalet illi jekk l-allegazzjonijiet li saru mill-Kunsillier tal-Gżira jiġu pruvati, huma se jieħdu l-azzjonijiet neċessarji fil-konfront ta’ dan il-kuntrattur.
Skont l-MDA iżda, l-inċident ma kienx relatat ma’ xi żvilupp partikolari.
Madankollu, bid-deċiżjoni tal-Kunsill Lokali se jkunu affettwati proġetti ta’ kostruzzjoni, hekk kif wieħed għandu bżonn permess mill-Kunsill Lokali biex jagħlaq xi toroq għal skop ta’ kostruzzjoni.
L-azzjoni tal-Kunsill Lokali tixhed ukoll ir-rabja li teżisti fil-Gżira u l-madwar għall-kostruzzjoni bla heda li għaddejja fl-inħawi.
Dan anke fid-dawl ta’ sensiela ta’ inċidenti riċenti, fosthom il-Ħamis tal-Ġimgħa li għaddiet meta ħsara f’bajla tal-konkos wasslet biex il-konkos ta’ ġo fiha tar ma’ kullimkien u mela t-triq u r-residenzi.
Fil-bidu ta’ Mejju, żewġ tfajliet laħqu għaddew bl-eżatt qabel ħajt iġġarraf għat-triq.
//= $special ?>