Il-Kunsillieri Lokali tal-Partit Nazzjonalista fil-Gżira fi stqarrija rrijaffermaw li l-ebda att ta’ intimidazzjoni mhu se jaqtalhom qalbhom mill-impenn u l-ħidma tagħhom b’risq ir-residenti tal-lokalità.
Fid-dawl tal-attentat li seħħ fuq il-Kunsillier Nazzjonalista Jeremy Cardona, waqt laqgħa b’urġenza tal-Kunsill Lokali, il-Kunsillieri Nazzjonalisti ressqu mozzjoni li ġiet approvata b’mod unanimu fejn fiha talbu lill-Kunsill Lokali sabiex jitlob formalment lill-Awtoritajiet konċernati ħalli jassiguraw protezzjoni u sigurtà adegwata kemm lill-membri tal-Kunsill Lokali kif ukoll lill-impjegati tal-istess Kunsill.
Fl-istess mozzjoni, il-Kunsillieri Lokali tal-Partit Nazzjonalista fil-Gżira fakkru li kull kunsillier qiegħed joffri s-servizzi tiegħu bla ħlas u mingħajr ebda interess personali. Dan kollu qed jagħmluh sabiex ikunu ta’ servizz għar-residenti tal-lokalità li jirrapreżentaw.
Fin-nuqqas ta’ pjan fit-tul min-naħa tal-Gvern għall-kostruzzjoni fil-Gżira, li jinkludi l-ħarsien tar-residenti u l-ambjent, fil-ġimgħat li gejjin il-Kunsillieri Lokali tal-Partit Nazzjonalista fil-Gżira se jieħdu l-passi meħtieġa biex iressqu għall-approvazzjoni tal-Kunsill proposti konkreti biex ir-residenti ma jibqgħux ostaġġi fi djarhom u fil-lokalità taghhom minħabba li m’hemmx pjan fit-tul.
Il-Kunsillieri Lokali fi stqarrija ħeġġew lir-residenti biex jersqu ‘l quddiem bl-ilmenti tagħhom biex tiġi megħluba din il-problema li nħolqot minħabba nuqqas ta’ pjan mill-Gvern u l-awtoritajiet.
L-istqarrija kienet iffirmata mill-Minority Leader Wayne Hewitt, u mill-kunsillieri Graziella Attard Previ u Jeremy Cardona.
//= $special ?>