Internazzjonali

Jieħu l-ġurament il-Gvern ġdid Taljan

Il-Prim Ministru ġdid Taljan Giuseppe Conte

Wara xhur ta’ inċertezza, il-Lega u l-Moviment Cinque Stelle (M5S) irnexxielhom jaqblu fuq gvern. Gvern ta’ koalizzjoni li se jkun immexxi minn Giuseppe Conte bħala Prim Ministru .
Għat-tieni darba f’ġimgħa, Conte ppreżenta l-lista tal-Ministri tiegħu lill-President Sergio Mattarella u aktar tard matul il-ġurnata dan ħa l-ġurament tal-ħatra flimkien mal-Gvern ġdid tiegħu.

Oriġinarjament, Mattarella ma kienx aċċetta l-ewwel lista li kien ippreżenta Conte għaliex bħala Ministru tal-Finanzi kien hemm Paolo Savona, ekonomista magħruf li hu ewroxettiku. Minflok issa f’din il-kariga tpoġġa Giovanni Tria, ekonomista li hu favur is-sħubija tal-Italja fiz-zona ewro. Xi ħaġa li Savona ma kienx u għalhekk ma kienx aċċettat minn Mattarella.

Savona minflok ingħata l-kariga ta’ Ministru għall-Affarijiet Ewropej.

Matteo Salvini, il-kap tal-Lega, ingħata l-kariga ta’ Viċi Prim Ministru kif ukoll Ministru tal-Intern. Salvini hu magħruf għal-linja tiegħu kontra l-immigrazzjoni illegali. Luigi Di Maio, il-kap tal-M5S, ukoll se jkun Viċi Prim Ministru kif ukoll Ministru tal-Industrija.

Bħala Ministru tal-Affarijiet Barranin inħatar Enzo Moavero Milanesi, indipendenti li fil-passat kien Ministru tal-Affarijiet Ewropej, filwaqt li l-Ministeru tad-Difiża se jkun f’idejn Elisabetta Trenta tal-M5S.

Dan il-Gvern kien l-aħħar ċans biex tkun evitata elezzjoni ġenerali bikrija. Dan wara li Mattarella kien se joħloq Gvern tekniku biex iwassal il-pajjiż sal-elezzjoni. Dan peress li kemm Salvini kif ukoll Di Maio kienu indikaw li ma kinux se jappoġġjawh.

Issa l-Gvern il-ġdid, li fih il-veru saħħa se tkun f’idejn Salvini u Di Maio, irid jgħaddi minn vot ta’ fiduċja kemm fil-Kamra tar-Rappreżentanti kif ukoll is-Senat u hawn il-Lega u l-M5S għandhom il-maġġoranza u l-vot mistenni jgħaddi mingħajr intoppi.

Conte qed jieħu f’idejh it-tmexxija tal-pajjiż minn Paolo Gentiloni, li kien ilu Prim Ministru sentejn.
Il-Gvern ta’ koalizzjoni ta’ Conte għandu pjani biex iqajjem l-ekonomija Taljana staġnata fost l-oħrajn billi jwarrab il-miżuri ta’ awsterità u jżied l-infiq. Xi ħaġa li l-Kummissjoni Ewropea diġà indikat li ma taqbilx magħha. Apparti minn hekk, il-Gvern il-ġdid irid jinnegozja mill-ġdid il-ftehim li hemm mal-Unjoni Ewropea u jirrevedi t-tmexxija ekonomika Ewropea. Kollha affarijiet li mistennija joħolqu l-inkwiet mal-UE.

Dan kollu fl-isfond ta’ 2.3 triljun ewro li l-Italja għandha f’dejn.

Jean-Claude Juncker, il-kap tal-Kummissjoni Ewropea, kellu kliem iebes għall-Italja u stqarr li kien hemm bżonn li t-Taljani “jaħdmu aktar u jagħmlu anqas korruzzjoni” u ma jkomplux jagħtu t-tort lill-UE għall-problemi ekonomiċi tagħhom.