L-ebda rebħa elettorali ma tnaddaf kwalunkwe akkuża ta’ korruzzjoni. Hemm ħafna mistoqsijiet li għadna bla tweġiba għalihom, tant li l-affarijiet ma jistgħux jibqgħu kif inhuma.
Hekk iddikjarat l-MEP Soċjalista Ana Gomes fi tmiem ġurnata ta’ laqgħat li delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għamlet f’pajjiżna mat-tliet partiti fil-Parlament, mal-maġistrati Aaron Bugeja u Anthony Vella, mas-Soċjetà Ċivili u mal-eks Kummissarju Ewropew John Dalli.
Ana Gomes spjegat li d-delegazzjoni ġiet f’pajjiżna għal aġġornament wara ż-żjara li għamlet aktar kmieni din is-sena, bir-rapporti se jkunu qed jingħaddu għand Working Group li se jinħoloq dalwaqt biex jevalwa fejn waslu l-investigazzjonijiet fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u ta’ Ġurnalist Slovakk li wkoll inqatel fix-xhur li għaddew.
Filwaqt li esprimiet is-sodisfazzjon tagħha u tal-MEPs l-oħra għall-fatt li l-Inkjesta Maġisterjali fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia miexja ġmielha u qed tħalli l-frott, qalet li jinsabu mħassba għall-mod kif il-Pulizija baqgħu ma nvestigawx dak li qed joħroġ mid-Daphne Project.
Qalet li sal-lum għadhom ma rnexxielhomx jiltaqgħu lanqas ma’ Nexia BT, filwaqt li tenniet it-tħassib ukoll għall-intimidazzjoni fil-konfront ta’ dawk li qed jippruvaw ifittxu ġustizzja.
L-MEP tal-Ħodor Sven Giegold innota n-nuqqas ta’ risposti mill-Parlament Malti għal dak li ġie żvelat s’issa u kif dan mhux normali għal pajjiż membru fl-Unjoni Ewropea. Sostna li l-pożizzjoni ta’ rappreżentant tal-Partit Laburista li saru diskussjonijiet fil-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi hi biss ‘smokescreen’ għax dan mhux il-Kumitat li kellu jiddiskuti dawn it-temi.
Giegold tenna li f’ċirkostanzi normali fl-Unjoni Ewropea, il-Parlament kien jaġixxi b’mod differenti u jinvestiga kif Ministru l-ewwel qal li l-kumpanija li għandu fil-Panama kienet għal raġunijiet familjari, filwaqt li l-Panama Papers urew li din infetħet għal negozju.
Staqsa meta l-MFSA saret taf bit-taħwid fil-ħidma tal-Bank Pilatus u għaliex dan il-Bank għad għandu liċenzja valida f’pajjiżna, filwaqt li nnota kif kawżi dwar ħasil ta’ flus f’Malta jieħdu wisq fit-tul.
Filwaqt li appella li din iż-żjara tiftaħ għajnejn l-awtoritajiet Maltin, Sven Giegold temm jgħid li Malta qed tirriskja l-futur fis-settur finanzjarju jekk jibqgħu ma jittieħdux passi.
Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mill-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa, f’isem il-Partit Popolari Ewropew, li staqsa kif jista’ l-Gvern Malti jibqa’ jipproteġi lill-Ministru Konrad Mizzi, filwaqt li tenna t-tħassib tiegħu wkoll għad-‘due diligence’ li suppost saret mill-MFSA fuq il-Bank Pilatus.
David Casa għamel referenza għal-laqgħat li nżammu llum, fosthom dik mal-eks Kummissarju Ewropew John Dalli. Dan partikolarment meta, waqt il-laqgħa, Dalli akkuża lil Daphne Caruana Galizia li bagħtitlu xi theddid. Iżda meta mistoqsi minn Casa biex jintwerew dawn il-korrispondenzi, kien innutat li dawn ma ħarġux mingħand il-Ġurnalista maqtula. Kien hawn x’ħin Dalli kellu jiċċara l-pożizzjoni billi qal li kien xi ħadd li jikteb bħal Daphne.
Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew għalaq billi sellem lill-media u lis-soċjetà ċivili għall-mod kif qed jibqgħu jwasslu l-messaġġ, filwaqt li awgura li l-awtoritajiet Maltin jerġgħu jibdew jagħmlu xogħolhom kif suppost.
//= $special ?>