Lokali

Mark Sammut se jinħatar CEO ta’ Transport Malta u Silvio Scerri CEO tal-Awtorità tad-Djar

In-Nazzjon illum żvela kif imminenti huma l-ħatriet ta’ numru ta’ karigi ġodda f’korporazzjonijiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Gvern, fosthom Mark Sammut, li se jinħatar Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni ta’ Transport Malta, Silvio Scerri, Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni tal-Awtorità tad-Djar, u James Piscopo li se jieħu f’idejh it-tmexxija tal-Awtorità tal-Artijiet.

Mark Sammut se jkun qed jieħu r-rwol ta’ Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni ta’ Transport Malta, li kien okkupat minn James Piscopo, li kien ukoll iċ-Chairman tal-istess Transport Malta. Jidher li fin-negozjati għal din il-kariga ħareġ l-aspett li Mark Sammut mhux komdu jaħdem fil-qrib ma’ Silvio Scerri. U kien għalhekk li nstab rwol ġdid u differenti għall-istess Eks Chief of Staff tal-Ministru tal-Intern meta kien immexxi minn Manwel Mallia, issa fit-tmum tal-Awtorità tad-Djar.

Jirriżulta li dawn il-ħatriet huma manuvri tal-Kabinett tal-PM Joseph Muscat u tpoġġew quddiem il-Kabinett bħala fatt kompjut. Dawn il-ħatriet mistennija jidħlu fis-seħħ fil-jiem li ġejjin.

Nifhmu li b’dawn il-ħatriet ikomplu jkunu aġevolati persuni kkunsidrati bħala ‘ta’ ġewwa’ mal-klikka ta’ Kastilja. Biżżejjed jingħad li fir-rigward ta’ Mark Sammut, ħabib personali tal-Prim Ministru, diġà kellu t-tifel tiegħu maħtur bħala direttur ta’ Transport Malta.

Tajjeb li jkun osservat ukoll li dawn il-karigi, flimkien ma’ oħrajn li diġà tħabbru u oħrajn li se jidħlu fis-seħħ ’il quddiem, iġorru magħhom kundizzjonijiet mill-aqwa u salarji u dħul ta’għexieren ta’ eluf ta’ ewro, li jridu jitħallsu mit-taxxi tal-poplu Malti.