Edukazzjoni Lokali

It-tfal fl-iskejjel għandu jingħatalhom prodott frisk u bnin

Il-Gvern injora r-rakkomandazzjonijiet li sarulu fl-iskema tal-iskejjel

It-tfal Maltin u Għawdxin qed jingħataw frott qares u ħaxix mgħolli f’pakketti mhux issiġillati, li lanqas m’huma friski iżda ffriżati. Dan minħabba deċiżjoni żbaljata tal-Gvern fil-mod ħażin kif ħaddem l-iskema tal-frott u l-ħaxix għat-tfal fl-iskejjel. Din id-deċiżjoni żbaljata tal-Gvern hija ta’ detriment ukoll għall-bdiewa lokali għax lit-tfal mhux qed jingħatalhom frott u ħaxix frisk.

Hekk stqarr il-PN f’komunikat lill-media mibgħut mis-Segretarju Ġenerali Clyde Puli u l-MEP Nazzjonalista Francis Zammit Dimech.

Il-PN stqarr illi għalkemm din l-iskema fl-iskejjel hija ffinanzjata minn fondi Ewropew, il-Gvern injora r-rakkomandazzjonijiet li sarulu mill-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew li t-tfal tal-iskola għandu jingħatalhom frott u ħaxix frisk tal-istaġun. Dan apparti li l-iskema reġgħet ġiet introdotta xahar ilu biss u meta suppost li kellha tibda mal-bidu tas-sena skolastika f’Ottubru tas-sena li għaddiet kif issuġġeriet il-Kummissjoni Ewropea.

Kif ġie żvelat fil-midja, id-deċiżjoni żbaljata tal-Gvern kellha impatt negattiv ukoll fuq il-bdiewa. Dan meta l-fondi Ewropej setgħu ntużaw biex jgħinu lill-bdiewa Maltin u Għawdxin billi jipprovdu frott u ħaxix frisk, li jkun aktar bnin għat-tfal tal-iskola. Il-Gvern bagħat ukoll messaġġ ħażin lit-tfal bl-użu tal-plastik, li ma jistax jiġi riċiklat, minflok intuża materjal alternattiv li jgħin fl-edukazzjoni tat-tfal favur aktar riċiklaġġ.

Fl-istqarrija ntqal li l-Partit Nazzjonalista jemmen li t-tfal jistħoqqilhom li jingħataw frott u ħaxix frisk fl-iskola biex jitgħallmu aktar fuq ikel bnin fil-ġlieda kontra l-obeżità. Għalhekk il-Membru tal-Parlament Ewropew Francis Zammit Dimech għamel mistoqsija lill-Kummissjoni Ewropea biex tikkjarfika jekk hux aċċettabbli li t-tfal jingħatalhom ħaxix iffriżat.