Lokali Unjoni Ewropea

Tkompli l-investigazzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-Saltna tad-Dritt

Hu diżappuntanti kif il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar ma jridx jiltaqa’ mad-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew li reġa’ jinsab f’Malta biex jinvestiga s-Saltna tad-Dritt f’pajjiżna.

Kienet l-MEP Soċjalista Ana Gomes li esprimiet dan id-diżappunt ma’ In-Nazzjon fi tmiem laqgħa ma’ delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista, immexxija mill-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament David Agius. Preżenti wkoll il-Membri Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista Kristy Debono, David Stellini u Karol Aquilina, flimkien mal-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar.

Ana Gomes qalet li l-laqgħat li qed jinżammu f’pajjiżna huma dwar ir-reputazzjoni ta’ Malta u tal-Unjoni Ewropea. Fi ġlieda kontra l-impunità, dan il-Kumitat irid jara li jissalvagwardja setturi importanti għal Malta, bħalma hu s-settur finanzjarju.

Il-laqgħa kienet waħda minn ġurnata ta’ laqgħat li l-MEPs kellhom mal-partiti politiċi, kif ukoll mas-soċjetà ċivili u anke ma’ Imħallfin u Maġistrati.

Matul il-laqgħa mad-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista, l-MEP tal-Ħodor Sven Giegold esprima t-tħassib dwar ir-rispons limitat ħafna mill-awtoritajiet lokali minkejja dak li qed jirriżulta regolarment fil-media. Innota n-nuqqas ta’ rieda mill-Gvern li jikkollabora fil-ħidma tal-Kumitat, tant li l-unika tweġiba li ngħatat kienet li l-Gvern irid l-evidenza.

Sven Giegold qal li l-Kumitat innota kif f’Malta m’hawnx biss problema ta’ Saltna tad-Dritt, iżda anke problema ta’ strutturi.

Min-naħa tiegħu il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa qal li aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qed tinħass il-ħtieġa li f’pajjiżna tinbidel is-sistema ta’ kif jintagħżlu n-nies f’ċerti karigi. Fakkar kif il-Partit Nazzjonalista ilu jipproponi li dawn jintagħżlu bil-maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-Kamra tar-Rappreżentanti.

L-appell għat-tisħiħ tas-Saltna tad-Dritt kien enfasizzat ukoll mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius, li esprima wkoll l-impenn tal-Partit li jsaħħaħ dak li hu tajjeb u jirranġa dak li hu ħażin. B’dan il-ħsieb, il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jaħdem mil-qrib mal-awtoritajiet lokali u Ewropej.

Il-Kelliema tal-Oppożizzjoni dwar l-Ekonomija, is-Servizzi Finanzjarji u l-Innovazzjoni Kristy Debono qalet li l-istituzzjonijiet lokali tilfu l-kredibbiltà. Għaldaqstant, appellat lill-Parlament Ewropew biex iżid il-pressjoni ħalli jkun evitat id-dannu għal kwalunkwe ekonomija ġdida li tista’ tkun qed toqrob lejn il-pajjiż.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar ir-Riformi fis-Servizzi Pubbliku, Ċittadinanza u s-Simplifikazzjoni tal-Proċessi Karol Aquilina qal li bil-proċess tal-bejgħ tal-Passaporti, il-Gvern qarraq bil-Kummissjoni Ewropea. Dan hekk kif dak li wiegħed il-Gvern, jiġifieri li ċ-Ċittadinanza tingħata b’Residenza, mhux qed iseħħ.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Ewropej David Stellini qal li l-Ministru tal-Finanzi ma jistax iħossu komdu jitkellem ma’ sħabu l-Ministri Ewropej għax jaf li l-Gvern Laburista mhux kapaċi jikkontrolla s-sitwazzjoni fil-pajjiż.

U l-Whip tal-Oppożizzjoni u Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Fondi Ewropej Robert Cutajar qal li taħt il-Gvern Laburista, dawn iċ-ċirkostanzi huma business as usual, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista irid jerġa’ jnaddaf isem Malta.

Sadanittant, fi tmiem laqgħa li l-Kumitat tal-Parlament Ewropew kellu ma’ delegazzjoni tal-Partit Laburista, id-Deputat Laburista Edward Zammit Lewis qal li l-MEPs kellhom informazzjoni skorretta, fosthom billi ma kienux jafu li l-Gvern ħoloq proċessi favur is-Saltna tad-Dritt.

Iżda dwar dan, l-MEP Soċjalista Ana Gomes esprimiet it-tama li l-liġijiet ikunu implimentati.

Għal din il-laqgħa, ma deher l-ebda wieħed mid-Deputati Mexxejja Laburisti, tant li l-media kienet indirizzata biss mid-Deputat Edward Zammit Lewis.

Mistoqsi minn In-Nazzjon għaliex il-Kummissarju tal-Pulizija ma laqax it-talba li jiltaqa’ mal-Membri Parlamentari Ewropej, Zammit Lewis wieġeb li għal din il-mistoqsija għandu jwieġeb ħaddieħor.