Lokali

AĠĠORNATA: Vittma oħra fit-toroq Maltin; jittajjar ċiklist Serb

Ċiklist imut f'inċident tat-traffiku

Ċiklist ta’ 53 sena miet kmieni l-Ġimgħa filgħodu wara li safa milqut minn karozza fi Triq Mikiel Anton Vassalli, ftit il-bogħod mir-roundabout tal-Kappara u fejn qabel kien hem in-niċċa tal-Madonna tal-Imsida.

Il-każ seħħ ftit qabel is-sitta ta’ filgħodu, b’rapporti minn sorsi fil-post ikkonfermawlna li r-raġel miet mad-daqqa.

Il-karozza tat-tip Toyota Vitz kienet qed tinstaq minn Libjan ta’ 35 sena residenti l-Imsida. Mad-daqqa, ir-rota spiċċat taħt il-vettura waqt li l-vittma ttajjar minn fuqa, tant li l-vettura wkoll għandha ħsara konsiderevoli.

Il-vittma hu Serb, Zoran Pavlovic, li għandu 53 sena u li skont il-Pulizija kien residenti Għawdex. Fuq il-post waslu membri tal-Protezzjoni Ċivili kif ukoll ambulanza b’tim mediku mill-Isptar Mater Dei.

Dwar dan il-każ infetħet inkjesta immexxija mill-Maġistrat Ian Farrugia.

Dan l-inċident fatali sfortunatament seħħ biss tlett ijiem biss wara li għaqda mhux governattiva li tirrappreżenta liċ-ċiklisti, il-Bike Advocacy Group, ikkritikat proġetti ġodda tal-Gvern li mhux jagħtu każ liċ-ċiklisti jew joffru sigurtà għalihom.

Filfatt it-triq fejn ittajjar iċ-ċiklist għandha biss korsija għaċ-ċiklisti mad-direzzjoni lejn il-flyover tal-Kappara, iżda mhux man-naħa l-oħra tat-triq.