Kunsilli Lokali Lokali

FILMAT: Ara l-kaos li qed jinħoloq fit-toroq f’Santa Venera

Residenti minn 12-il triq differenti jappellaw biex tittieħed azzjoni qabel iseħħ xi inċident u jkun tard wisq

Ta’ spiss traffiku kbir qed jinġema f’żona partikolari f’Santa Venera, fejn ir-residenti f’dawn it-toroq qed jispiċċaw maqfula ġewwa djarhom jew imsakkra fil-karozzi hekk kif ma jkunux jistgħu joħorġu mit-triq tagħhom stess. Jirriżulta li fil-jiem li għaddew sar tibdil fit-tabelli tat-toroq – tibdil li ħoloq kaos sħiħ hekk kif ħadd mir-residenti ma kien infurmat jew ikkonsultat dwar dak li kien se jiġri.

It-tibdil fit-tabelli li sar mill-lejl għan-nhar laqat b’kollox madwar 12-il triq. Dan it-tibdil ħoloq lembut, hekk kif f’din iż-żona li hi maqbuda bejn Triq il-Kbira San Ġużepp u Triq il-Kanun tista’ tidħol fiha minn ħames toroq, iżda toħroġ minn triq waħda biss. Sabiex tkompli tikkumplika ruħha l-istorja, din l-istess triq hi ‘One Way’ għall-karozzi biss, u l-operaturi li għandhom l-imħażen f’dawn it-toroq staġnati jistgħu jidħlu bil-containers kontra din it-tabella. Għaldaqstant, waqt li jkun qiegħed jidħol trakk bil-container kontra d-direzzjoni tat-traffiku minn din l-unika triq minnha jistgħu joħorġu l-karozzi, mhu se jkun hemm imkien minfejn ikunu jistgħu joħorġu l-vetturi.

B’hekk, kemm ir-residenti, u kif ukoll n-negozji u l-imħażen f’dawn it-toroq sofrew il-konsegwenzi ta’ dan it-tibdil. Nies li tkellmu ma’ NET News staqsew x’inhi r-raġuni u l-motivazzjoni wara dan it-tibdil.

Ara l-mappa dwar kif dawn ir-residenti qegħdin maqbuda f’lembut – iċ-ċrieki ħomor huma l-entraturi, filwaqt li l-vleġġa turi l-unika triq li minnha tista’ toħroġ, filwaqt li l-containers jistgħu jidħlu kontra din it-tabella. Il-linji ħomor huma t-toroq kollha li jinsabu magħluqa f’din il-morsa:

Mappa li turi t-toroq kollha affetwati bit-tibdil fit-tabelli tat-traffiku

Il-proposta biex isir it-tibdil fid-direzzjoni tat-traffiku tressaq mis-Sindku Laburista ta’ Santa Venera Stephen Sultana. L-istess Sindku sejjaħ għal-laqgħa b’urġenza tal-Kunsill Lokali, fejn wara insistenza mill-Kunsilliera Nazzjonalisti Elizabeth Vella u Darren Carabott, ġie maqbul li dawn il-proposti jintbagħtu lil Transport Malta bil-patt u l-kundizzjoni li ma jsir l-ebda twaħħil ta’ tabelli sakemm issir laqgħa ta’ konsultazzjoni mar-residenti li se jkunu affetwati. Iżda jidher li ma sarx hekk.

Wara li twaħħlu t-tabelli minn Transport Malta mingħajr avviż, u l-kaos beda f’dawn it-toroq, fit-30 ta’ Mejju l-Kunsill Lokali ta’ Santa Venera sejjaħ għal-laqgħa pubblika li fiha stieden lir-rappreżentanti għall-Transport Malta u għall-Pulizija mid-distrett tal-Ħamrun, flimkien mar-residenti affetwati. Iżda għar-rabja tar-residenti, la l-Pulizija u lanqas Transport Malta ma attendew għal din il-laqgħa minkejja l-istedina li saret. Waqt din il-laqgħa tqajmu diversi punti, fosthom jekk allaħares qatt jinqala xi inċident urġenti kif se jkun possibbli li ambulanza jew vetturi tal-protezzjoni ċivili jidħlu f’dawn it-toroq meta l-karozzi se jkunu maqbuda u jagħlqu l-aċċess kollu. Kienu l-Kunsilliera Nazzjonalisti Horace Anastasi u Darren Carabott waqt din il-laqgħa pubblika li talbu biex il-Kunsill Lokali mmexxi minn maġġoranza Laburista jieħu pass favur ir-residenti, u pubblikament jikkundanna dan l-aġir mill-awtorita’ tal-Gvern Transport Malta filwaqt li tisejjaħ konferenza tal-aħbarijiet mill-Kunsill Lokali biex titqajjem kuxjenza dwar dak li qed iseħħ.

Traffiku kbir f’waħda mit-toroq

Numru ta’ residenti qalu li ddejqu jistennew biex tittieħed azzjoni, u għamlu kuntatt ma’ NET News dwar is-sitwazzjoni inaċċettabbli li qegħdin jaffaċċjaw minn meta sar dan it-tibdil minħabba n-nuqqas ta’ aċċess u d-dewmien żejjed li jkollhom jgħaddu minnu biex jidħlu fid-dar tagħhom, dan minbarra l-problema ta’ parking. Spjegaw kif qabel ma sar dan it-tibdil diġa’ kien hemm problemi ta’ aċċess, iżda issa s-sitwazzjoni saret ħafna aktar agħar. Ir-residenti qalu li din hi l-inqas ħaġa li jkollhom aptit, fejn wara ġurnata xogħol jaslu lura d-dar u jsibu kaos sħiħ fit-toroq tagħhom.

Skont l-istess residenti li ġejjin mit-toroq affetwati huma jinsabu urtati bis-sitwazzjoni preżenti hekk kif l-ebda awtorita’ ma trid terfa’ responsabbilita’ u tieħu azzjoni biex tissolva din il-problema. Tennew li minkejja ġew imwaħħla dawn it-tabelli, ħafna sewwieqa mhumiex josservaw dawn it-tabelli u jsuqu kontra t-tabella tat-traffiku. B’rabja u dispjaċir qalu li jittamaw li tittieħed azzjoni malajr qabel ma jkun tard wisq u jseħħ xi inċident f’dawn iż-żoni. Ir-residenti ta’ Santa Venera tennew li jippreferu s-sitwazzjoni kif kienet qabel ma sar it-tibdil.

L-emozzjoni partiġġjana tiġi qabel l-interess tar-residenti għas-Sindku u l-Kunsilliera Laburisti

Intant, il-Kumitat Sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista Santa Venera esprima solidarjetà għall-fatt li l-Kunsill Lokali Laburista qed jibqa’ sieket minflok jiddefendi d-drittijiet tar-residenti.

L-istqarrija tgħid, li kieku verament għandhom għal qalbhom l-interess tar-residenti, is-Sindku Laburista flimkien mal-Kunsilliera tal-Partit Laburista, kienu joħorġu stqarrija pubblika jikkundannaw l-azzjonijiet ta’ Transport Malta, fejn din tal-aħħar lanqas biss ikkonsultat mar-residenti u qabżet totalment lill-istess Kunsill Lokali. Madanakollu, s’issa għadha ma ħarġet l-ebda pożizzjoni pubblika ta’ kundanna għall-azzjonijiet tal-awtorita’ tal-Gvern.

Għaldaqstant, il-Kumitat Sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista Santa Venera appella lill-Kunsill Lokali mmexxi minn maġġoranza Laburista sabiex jindirizza l-problemi li qegħdin jaffaċċjaw ta’ kuljum ir-residenti f’dawn it-toroq, u jwarrbu l-interess politiku, u ma jibżgħux jitkellmu kontra dak li għamlet ħażin l-awtorita’ tal-Gvern.

Il-Kumitat Sezzjonali Santa Venera awgura li s-sitwazzjoni titjieb fil-jiem li ġejjin, filwaqt li qal li se jkompli jsegwi l-iżviluppi kollha u jaħdem sabiex intejbu l-livell tal-għejxien għal ġid tar-residenti kollha.