Festi Knisja Kultura Lokali

FILMAT: It-Tribuna ta’ Corpus Domini f’Ħal Luqa lura għall-glorja tagħha

Inawgurata s-Sibt filgħaxija fost stennija kbira mill-Ħalluqin

Tribuna antika, ta’ qabel żmien il-Kungress Ewkaristiku tal-1913, ilha nieqsa mill-festi ta’ Corpus Domini u l-Qalb ta’ Ġesù f’Ħal Luqa għal ftit aktar minn 30 sena.

Bis-saħħa ta’ ritratti antiki tagħha li ttellgħu fuq siti soċjali onlajn, il-poplu Luqi wettaq ix-xewqa ta’ bosta li din tiġi rranġata u armata mill-ġdid f’Misraħ il-Knisja għal dawn il-festi solenni tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu, 60 jum fuq l-Għid il-Kbir. Din it-tribuna eleganti inħadmet fuq disinn tal-perit Andrea Vassallo u magħha jikkumplimentaw sett ta’ anġli tal-istatwarju, Karlu Darmanin.

Iltqajna mal-Kanonku Michael Zammit, Kappillan tal-Parroċċa ta’ Sant’ Andrija, f’Ħal Luqa, li tana aktar tagħrif dwar ix-xogħol. Huwa qalilna kif George Mifsud ħa ħsieb ix-xogħol ta’ tisħiħ u r-restawr tal-injam u l-ħadid biex imbagħad Andrew Micallef u Clayton Debono volontarjament żebgħu t-tribuna mill-ġdid. Grupp ta’ ħajjata tal-Knisja ħadu ħsieb il-ħjata tal-pavaljuni tad-damask għall-arkati tat-tribuna biex imbagħad ingħaqdu magħhom għadd ta’ voluntiera tal-Parroċċa li temmew l-aħħar irtokki fuqha:

“Illum qed naraw dan ir-riżultat li kollu sar biex tingħata l-aqwa ġieħ lill-Ġesù Ewkaristija fil-Festa ta’ Corpus.”

Ir-restawr ġie nawgurat is-Sibt filgħaxija waqt il-quddiesa solenni ta’ Corpus, liema festa l-Ħalluqin ħejjew għaliha b’adorazzjonijiet quddiem Ġesù Sagramentat tul din il-ġimgħa. Bosta jkunu t-tfal li bħall-Ħadd jakkumpanjaw lil Ġesù Sagramentat fit-toroq tal-irħula bit-tfiegħ ta’ fjuri u reċtar ta’ talb, wara li jkunu rċievew l-Ewwel Tqarbina ftit jiem qabel, bħalma jsir f’dan ir-raħal:

“L-ewwel issir quddiesa solenni, imbagħad ssir il-Purċissjoni u minflok nidħlu l-Knisja, ninġabru taħt it-tribuna fil-Pjazza fejn imbagħad tingħata l-barka sagramentali hemmhekk.”

Matul din il-ġimgħa, f’Ħal Luqa jsiru il-Kwaranturi Solenni biex imbagħad terġa’ toħroġ il-Purċissjoni b’Ġesù Sagramentat nhar il-Ġimgħa, fl-okkażjoni tal-Festa tal-Qalb ta’ Ġesù, li fiha terġa’ tingħata l-barka sagramentali mill-istess tribuna.

Il-Kappillan Zammit temm jisħaq fuq l-importanza tal-Festa tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu għall-Insara:

“Hija l-unika purċissjoni purċissjoni li fiha joħroġ is-Sagrament, iġifieri il-ġisem veru u ħaj ta’ Ġesù Kristu, li jimxi fit-toroq tagħna. Għalhekk inħeġġeġ lill-Insara madwar Malta u Għawdex sabiex jipparteċipaw fl-attivitajiet marbutin ma’ din il-festa ta’ Corpus iċċelebrati madwar il-gżejjer għaliex fiha verament inkunu qed naduraw lill-Ġesù li huwa ħaj preżenti fl-Ewkaristija.”