Ta’ spiss nisimgħu b’ġemellaġġ wara l-ieħor iffirmati bejn bliet u rħula minn pajjiżi differenti, li madankollu wara ftit tas-snin jispiċċaw jisfaxxaw fix-xejn.
Kien fid-dawl ta’ esperjenzi simili li fl-2003, it-Taljan Franco Ghio ppropona li minflok iwaqqaf assoċjazzjoni internazzjonali li tiġbor fiha bliet li sa llum-il ġurnata huma mdawrin b’ħitan antiki.
Bl-idea li dawn l-ibliet bejniethom jippromwovu l-iwrt kulturali u storiku tagħhom twaqfet l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Bliet imdawrin mill-Fortifikazzjonijiet.
Interessanti li meta twaqqfet din l-Assoċjazzjoni, fl-2004, pajjiżna kien minn tal-ewwel li ssieħeb fiha. Filfatt l-ewwel bliet rikonoxxuti kienu l-Imdina,flimkien ma’ Avila, Lucca, Avignone u Carcassonne fl-Italja kif ukoll San Marino.
L-Assoċjazzjoni kompliet tikber tant li llum-il ġurnata hi rappreżentata minn 170 klabb differenti fi 23 nazzjon mifruxa f’erba’ kontinenti.
F’pajjiżna, Malta Host kien l-ewwel klabb, sakemm eventwalment miegħu ngħaqdu wkoll il-klabbs tal-Imdina, Tas-Sliema u San pawl il-Baħar.
Din is-sena, saħansitra mess lil pajjiżna biex ikun organizzat il-15-il kungress internazzjonali tal-istess Assoċjazzjoni, fejn numru ta’ delegati ltaqgħu flimkien biex setgħu jitpaxxew u jitgħallmu iżjed dwar dak li kapaċi toffri Malta.
Filfatt matul il-ġurnata, wara diskorsi mill-President tal-Lions Zone Malta Mary Anne Abela, l-Ispeaker Angelo Farrugia u l-President tal-Assoċjazzjoni, Giuseppe Guerra, numru ta’ professjonisti lokali taw preżentazzjonijiet dwar pajjiżna.
Fost dawn, Norbert Gatt, li jaħdem fir-restawr, kif ukoll Charles Grixti, li ta preżentazzjoni dwar it-teżori fi ħdan l-ibliet ta’ pajjiżna.
Is-sena d-dieħla, il-kungress internazzjonali tal-istess assoċjazzjoni se jsir f’Ruma.










