Lokali

Issa wkoll ħalib maqtugħ lit-tfal tal-Primarja f’Ħ’Attard

Wara li studenti ngħataw frott qares u ħaxix mgħolli f'pakketti mhux issiġillati

Wara li ġie żvelat kif tfal tal-Primarja qed jingħataw frott qares u ħaxix mgħolli bħala parti mir-ri-introduzzjoni tal-iskema tat-tqassim tal-frott u l-ħaxix lit-tfal, il-gazzetta In-Nazzjon issa żvelat li issa anki ħalib maqtugħ qed jingħata biex jitqassam lit-tfal.

Każ tipiku seħħ fl-iskola primarja ta’ Ħ’Attard fejn it-Tmexxija tal-iskola rċeviet il-provvista tal-ħalib għat-tfal fil-kartuna ż-żgħira biex kull tifel ikollu l-pakkett tiegħu.

Irriżulta li meta bdew jinfetħu dawn il-pakketti tal-ħalib, dawn kienu maqtugħa u b’togħma qarsa għall-aħħar. Naturalment it-Tmexxija tal-iskola waqqfet it-tqassim ta’ dan il-ħalib fost it-tfal filwaqt li sar iċċekkjar ta’ aktar kartuniet ħalib li wkoll instab b’riħa xejn pjaċevoli.

Dan il-każ hu ħolqa oħra f’katina twila ta’ inkompetenza minn dawk responsabbli minn din l-iskema li taqa’ taħt is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri.

Diġà ġie rrappurtat kif tfal fi skejjel primarji Governattivi, tal-Knisja u Privati qed jingħataw frott qares u ħaxix mgħolli f’pakketti mhux issiġillati bħala parti mir-ri-introduzzjoni tal-iskema tat-tqassim tal-frott u l-ħaxix li daħlet fis-seħħ f’dawn il-jiem wara sena skolastika sħiħa li fiha l-istess studenti ċċaħħdu milli jgawdu minn dan is-servizz.

Kemm għalliema u ġenituri qed jilmentaw li huma jinsabu diżgustati bil-mod kif qed isir it-tqassim tal-frott, il-ħaxix u l-ħalib lill-istudenti. In-nuqqas ta’ koordinazzjoni qed twassal biex dawn il-provvisti ta’ frott, ħaxix u ħalib qed jitwasslu fl-iskejjel jew kmieni ħafna bir-riżultat li l-kaxxi bil-prodotti qed jitħallew fix-xemx u jitqassmu saħansitra wara l-għaxra ta’ filgħodu.

Riċentament il-Partit Nazzjonalista qal, permezz tas-Segretarju Ġenerali Clyde Puli u l-MEP Nazzjonalista Francis Zammit Dimech, li l-Gvern injora r-rakkomandazzjonijiet li sarulu mill-Unjoni Ewropea li t-tfal tal-iskola għandu jingħatalhom frott u ħaxix frisk tal-istaġun. Dan apparti li l-iskema reġgħet ġiet introdotta xahar ilu biss u meta suppost kellha tibda mal-bidu tas-sena skolastika f’Ottubru tas-sena li għaddiet.