Is-Segretarju tad-Difiża tal-Istati Uniti, James Mattis, akkuża liċ-Ċina b’li qed tistazzjona l-missili fiz-zona tal-Baħar Ċiniż tan-Nofsinar, bil-għan li tintimida u twettaq il-pressjoni fuq l-Istati ġirien tar-reġjun.
Mattis qal, waqt summit tas-sigurtà, f’Singapore, li l-azzjonijiet ta’ Beijing iqajjmu suspett dwar ‘il-vera skopijiet tiegħu’. Hu kompla li Beijing bagħat missili għal kontra l-bastimenti u tat-tip surface-to-air lejn diversi lokalitajiet tul il-Baħar Ċiniż tan-Nofsinar .
Is-Segretarju Amerikan sostna li ‘għalkemm Beijing qed jiċħad l-akkużi, iċ-ċaqliq tal-missili hu marbut ma’ aġenda militari għall-intimidazzjoni tal-pajjiżi qrib taċ-Ċina’.
Mattis żied li l-Istati Uniti trid li jkollha relazzjoni kostruttiva maċ-Ċina iżda wissa li l-Amerikani ‘jafu jkunu kompetituri kbar’ f’każ li jkun neċessarju. Dan waqt li tenna li l-Istati Uniti tirrikonoxxi li ċ-Ċina għandha rwol importanti fir-reġjun partikulari.
Fil-preżent, sitt pajjiżi, b’mod speċifiku ċ-Ċina, qed jinsistu bid-dritt tas-sovranità fuq il-Baħar Ċiniż tan-Nofsinar, li jipprovdi rotta importanti għall-bastimenti kummerċjali.
//= $special ?>

