Internazzjonali

Jirriżenja minn kap ta’ kumpannija taż-żejt fil-Brażil

Pedro Parente irriżenja minn kap tal-kumpannija taż-żejt ewlenija Petrobras, wara jiem ta’ protesti mis-sewwieqa tat-trakkijiet fil-Brażil li kkaġunaw taqlib u kaos fuq livell straordinarju.

L-azzjoni industrijali dwar il-prezzijiet tad-diesel, li ntemmet ftit tal-jiem ilu, ikkaġunat nuqqasijiet kbar fil-Brażil. Dan meta d-dimostranti waħħlu f’Parente għal ‘spejjeż li sparaw ‘il fuq’ wara li l-kumpannija tiegħu ma komplietx tissussidja l-prezzijiet tal-fuel għall-konsumaturi domestiċi.

Intant, il-kumpannija Petrobras ma tat l-ebda raġuni speċifika għar-riżenja ta’ Parente, li, permezz ta’ ittra lill-President tal-Brażil, Michel Temer, qal li l-istrajk tas-sewwieqa tat-trakkijiet kien sar bi sfida għall-politika dwar il-prezzijiet (tal-fuel) implimentata minnu.

L-ittra tar-riżenja kompliet li ‘ir-rwol tiegħu(ta’ Parente) bħala Kap Eżekuttiv tal-Petrobas ma baqax pożittiv’ u li l-Gvern tal-Brażil, filwaqt li jaħseb għall-ġejjieni, ‘jeħtieġ jikkunsidra sistemi alternattivi għall-politika dwar il-prezzijiet’.

Sentejn ilu, Parente, eks-Ministru għall-Enerġija, kien rabat il-prezz tal-fuel fil-Brażil mal-prezzijiet taż-żejt internazzjonali, li minn dak iż-żmien kważi rduppjaw.

Wara snin ta’ skandli dwar il-korruzzjoni li kienu jinvolvu l-politiċi u uffiċjali ewlenin, il-politika ta’ Parente għenet lill-Petrobras biex tikseb lura l-valur tagħha fis-suq.

Il-Petrobras hi kontrollata mill-Gvern Braziljan u hi meqjusa bħala waħda mill-akbar kumpanniji taż-żejt fid-dinja. Intant, it-tluq ta’ Parente qed iqajjem spekulazzjoni li l-Brażil jista’ imur lura għall-pricing policy antik li jippermetti sussidji għall-Brażiljani b’introjtu baxx.