Internazzjonali

Konferma minn Trump dwar summit storiku

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, ikkonferma li s-summit bejnu u l-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq, Kim Jong-un, se jsir f’Singapore, fit-12 ta’ Ġunju, skont ma kien ippjanat oriġinarjament.

Il-konferma minn Trump ingħatat ġimgħa wara li l-Mexxej Amerikan kien ħassar din il-laqgħa storika ‘minħabba r-rabja u l-ostilità ċara li kienet qed turi l-Korea komunista’.

Trump, fl-aħħar jiem, beda jagħti indikazzjonijiet li ‘l-affarijiet setgħu jinbidlu’ u, issa, ħareġ bil-konferma tas-summit wara taħditiet li kellu f’Washington mal-Ġeneral Kim Yong-chol, ir-rappreżentant tal-Korea ta’ Fuq.

Yong-chol, waqt il-laqgħa, ippreżenta lil Trump b’ittra mingħand Kim Jong-un, bil-President tal-Istati Uniti jgħid, wara, li l-konklużjoni formali tal-Gwerra tal-Korea għandha tkun fost l-affarijiet diskussi fis-summit tat-12 ta’ Ġunju.Dan meta l-Gwerra Koreana tal-1950-53 kienet intemmet b’armistizju u mhux trattat għall-paċi.

Madankollu, il-President Trump wissa li s-summit jista’ ma jwassalx għal ftehim finali dwar il-programm nukleari tal-Korea ta’ Fuq. Fl-istess ħin, Trump qal li n-negozjati dwar id-denuklearizzazzjoni tal-Peniżola Koreana huma parti minn proċess fit-tul.

Il-laqgħa imminenti bejn Trump u Kim Jong-un għandha tkun l-ewwel waħda fl-istorja bejn Mexxej tal-Istati Uniti fil-kariga u Mexxej tal-Korea ta’ Fuq komunista.