Internazzjonali

Ma jarax theddida mill-Italja għaż-Zona Ewro

 

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker, qal li mhemm l-ebda theddida ta’ xi kriżi tad-dejn ġdida fiz-zona ewro. Dan minkejja li l-Italja, illum, qed titmexxa minn koalizzjoni ta’ kontra l-establishment magħmulha mill-partiti populisti Lega Nord u Cinque Stelle.

Meta kien mistoqsi mill-istampa jekk iz-zona ewro hix tiffaċċja mewġa oħra ta’ taqlib, Juncker wieġeb li ‘le’ u spjega li r-reazzjonijiet tas-swieq finanzjarji huma irrazzjonali. Hu kompla li n-nies mgħandhomx għalfejn jiġbdu l-konklużjonijiet politiċi mit-tlugħ u l-inżul konsistenti fis-swieq ‘għaliex hemm ħafna drabi, qabel, fejn l-investituri għamlu l-evalwazzjonijiet ħżiena’.

Il-Gvern ta’ koalizzjoni ġdid li ħa l-ġurament f’Ruma qed jitmexxa minn partiti ostili għall-ewro. Madankollu, il-fatt li l-Gvern, sa fl-aħħar, qiegħed hemm, serva biex jikkalma xi ftit lis-swieq li, qabel, kienu qed jirreaġġixxu għall-possibbiltà ta’ elezzjoni ġenerali oħra fl-Italja li setgħet serviet bħala referendum għal jekk il-pajjiż (it-tielet l-akbar ekonomija fl-Ewropa ) ikomplix bħala membru taz-zona ewro.

Il-Kap tal-Lega Nord, Matteo Salvini, kien irrefera għall-ewro bħala ‘għażla żbaljata għall-ekonomija Taljana’ waqt li Cinque Stelle kien ried referendum dwar l-isħubija futura tal-Italja fil-munita komuni. Intant, iż-żewġ partiti populisti ma baqgħux jinsistu bl-ambizzjonijiet oriġinali biex ‘joħorġu lill-Italja mill-ewro’ u llum qed jitkellmu dwar ‘aspetti ta’ riforma’ għal pajjiżhom.

Intant, Juncker esprima fiduċja li t-Taljani se jirnexxilhom isolvu l-problemi ta’ pajjizhom waqt li jagħżlu ‘it-triq it-tajba’.

Wara dawn ix-xhur ta’ inċertezza politika fl-Italja, il-Lega u Cinque Stelle qed iħejju biex jimplimentaw politika għal qtugħ tat-taxxa u li tiggarantixxi dħul bażiku għall-foqra.Fl-istess ħin, il-koalizzjoni ġdida f’Ruma qed tiċħad għall-politika tal-awsterità tal-Unjoni Ewropea waqt li trid tinnegozja mill-ġdid id-dejn tal-Italja. Dan ukoll meta l-Gvern Taljan, immexxi mill-Prim Ministru, Giuseppe Conte, qed jippjana d-deportazzjoni ta’ mijiet ta’ eluf ta’ immigranti mill-pajjiż.