“Fil-politika, u bħala leġiżlaturi, irid ikollna l-kuraġġ li nieħdu deċiżjonijiet iebsa – anke jekk il-frott ta’ dawk id-deċiżjonijiet jinħassu wara li l-mandat ikun spiċċa. Dan hu l-mod ta’ kif nindirizzaw il-ġenerazzjoni li jmiss u nagħtuhom dinja aħjar milli writna aħna, dawk huma l-politiċi li d-dinja għandha bżonn,” qalet Roberta Metsola.
Il-Membru tal-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola kienet qed titkellem waqt li indirizzat konferenza importanti fil-Vatikan.
L-MEP Metsola qalet li l-Papa Franġisku jimbotta ideat iffukati fuq il-ġustizzja soċjali, u sistema fejn kulħadd jieħu dak li ħaqqu. “It-tagħlim ta’ Papa Franġisku huma fuq l-istess linja ta’ ħafna prinċipji tad-demokrazija kristjana moderna. B’mod partikolari, hu jitkellem kontra l-ħażen u l-korruzzjoni. U dejjem jistieden lilna l-politiċi biex jassigura, li f’kull deċiżjoni li nieħdu, nżommu f’moħħna dawk fil-bżonn u dawk emarġinati. Irridu nibnu soċjetajiet fejn ħadd ma jibqa’ lura,” qalet Metsola.
Fi tmiem il-konferenza, l-MEP Metsola kellha udjenza mal-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku, u wasslet it-tislijiet mill-poplu Malti u Għawdxi.
//= $special ?>