Internazzjonali

Sanchez jieħu l-ġurament bħala Prim Ministru ta’ Spanja

Pedro Sanchez, Soċjalista, ħa l-ġurament bħala Prim Ministru ġdid ta’ Spanja minflok Mariano Rajoy li kellu jwarrab wara li tilef vot ta’ fiduċja fil-Parlament.

Waqt iċ-ċerimonja, f’Madrid, li tmexxiet mir-Re Felipe ta’ Spanja, Sanchez, li hu ateju, ħa l-ġurament biex jipproteġi l-Kostituzzjoni mingħajr il-preżenza ta’ bibbja jew kurċifiss. Qatt qabel, fl-istorja moderna ta’ Spanja, ma kien hemm nuqqas ta’ simboli reliġjużi għal waqt ġurament fuq dan il-livell, b’Sanchez, issa, għandu jmexxi Spanja għas-sentejn li fadal tal-mandat parlamentari.

Pedro Sanchez kien appoġġjat minn sitt partiti oħra fl-impenn biex Rajoy jitneħħa mill-poter, b’kaġun ta’ skandlu kbir tal-korruzzjoni. Hu  ressaq mozzjoni ta’ sfiduċja (f’Rajoy) fil-Parlament wara li nkixef li l-Partit Popolari (PP) Spanjol kien imexxi fond sigriet għall-kampanji politiċi bejn l-1999 u l-2005. Rajoy, intant, sar l-ewwel Prim Ministru fl-istorja moderna ta’ Spanja li tneħħa mill-kariga wara vot ta’ sfiduċja.

Issa, Sanchez irid jiddeċiedi dwar min se jinkludi fil-Kabinett tiegħu li mistenni jkun finalizzat il-ġimgħa d-dieħla.

Fi żvilupp ieħor, il-Gvern reġjonali ġdid tal-Katalunja wkoll ingħata l-ġurament tal-ħatra  – bil-proċess jikkonkludi seba’ xhur ta’ amministrazzjoni diretta minn Madrid għar-reġjun. Intant, il-President Katalan ġdid, Quim Torra, li hu alleat tal-kap (separatista) Katalan imkeċċi, Carles Puigdemont, tkellem dwar l-impenn biex ikompli bil-kampanja għall-indipendenza tal-Katalunja minn Spanja.