Lokali

Studju nazzjonali dwar in-nuqqas ta’ smigħ f’pajjiżna

1 minn kull 5 persuni f’Malta jbati minn nuqqas ta’ smigħ minn tal-inqas f’widna waħda. Din hija ir-realta’ madwarna f’pajjiżna stess.

Hekk qalet il-kumpanija OK Medical meta f’konferenza tal-aħbarijiet nediet kampanja nazzjonali dwar it-telf tas-smigħ.

Għall-konferenza tal-aħbarijiet attendiet il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca li f’indirizz qalet li kampanja bħal din ġewwa pajjiżna, hija importanti biex nassiguraw kwalità ta’ ħajja aħjar u inklużjoni soċjali, għal dawk li ibatu minn nuqqas ta’ smigħ.

Hi qalet li l-għarfien dwar in-nuqqas ta’ smigħ hemm bżonn li jittejjeb. Kompliet tgħid ukoll li l-problemi fis-smigħ inaqqsu l-kwalita’ tal-ħajja tal-individwu.

Bħala parti mill-kampanja, OK Medical se tkun qed tagħmel studju dwar l-impatt tat-telf tas-smigħ fuq il-popolazzjoni Maltija, u għal dan il-għan se tkun qed taħdem flimkien mal-kunsilli lokali sabiex tinġabar din l-informazzjoni. Din l-inizjattiva ser tkun qed taghti opportunita’ lil nies ‘il fuq minn 18-il sena, biex huma jkunu jistgħu jmorru u jagħmlu ‘screening’ b’xejn, b’hekk isiru jafu jekk għandhomx telf ta’ smigħ. L-informazzjoni miġbura se tkun qed tintuża għal studju nazzjonali fuq il-prevalenza tan-nuqqas ta’ smigħ fost l-adulti.

Waqt il-konferenza, il-President għamlet użu, għall-ewwel darba mit-tnedija, minn dan l-istess test.

Fl-impenn tagħha għal din il-kawża, OK Medical ħabbret li se tkun qed tagħti donazzjoni ta’ 10 hearing aids lil Malta Community Chest Fund.