Lokali

“Hawn min qed jgħix f’remissa taż-żwiemel” – Bernard Grech

Kostretti jħallu djarhom għaliex mhumiex ilaħħqu mal-għoli fil-prezzijiet

“Fid-dawl tal-fatt li fl-aħħar snin il-kirjiet mhux għolew imma splodew u f’numru ta’ każijiet saħansitra irduppja jew ittripplaw fil-prezz, qed jikber b’rata mgħaġġla l-għadd ta’ familji u persuni li qed ikunu kostretti jgħixu f’garaxxijiet.

“Mhux hekk biss, iżda ninsab ukoll f’pożizzjoni li niżvela li saħansitra hawn min qiegħed jabita f’remissa taż-żwiemel. Dan kollu għaliex familji sħaħ u individwi ma jaffordjawx il-kirjiet għoljin li qed jintalbu llum. Dan id-diskors japplika kemm għal persuni Maltin kif ukoll għal persuni barranin li jgħixu fostna.

“Quddiem dan kollu nħoss li l-pajjiż għandu jibda minnufih jitkellem dwar din il-kwistjoni taħraq u delikata għaliex anki dawn in-nies – kemm familji u kemm individwi – jixirqilhom li jgħixu b’mod dinjituż.”

Din l-istqarrija iebsa u diretta għamilha ma’ il-mument Bernard Grech, missier ta’ żewġt itfal u Avukat li jimmilita fil-qasam tal-familja, li fisser li wieħed jista’ jgħid b’mod oġġettiv li din hi problema ġdida li pajjiżna qiegħed jiffaċċja b’riżultat tal-fatt li kibret id-domanda għall-proprjetà f’kull lokalità.

Barra minn hekk kibret ukoll id-diffikultà ta’ persuni biex jixtru l-proprjetà tagħhom bir-riżultat li dawn huma kostretti li huma wkoll ikollhom jirrikorru għall-kera ta’ proprjetà.
Bernard Grech fisser li llum ninsabu fl-istat fejn hawn għadd ta’ koppji li meta jmorru biex ibiegħu l-proprjetà matrimonjali tagħhom għaliex ikunu qegħdin jisseparaw, jirriżulta li l-istess proprjetà mhux se tagħtihom l-opportunità li jixtru propjetà oħra minħabba li l-proprjetà oriġinali jkun fadlilha ħafna dejn fuqha.

Hawn min qiegħed jabita f’remissa taż-żwiemel

Hu qal li mbagħad il-proprjetà ġdida li jkunu jridu jixtru, filwaqt li din tkun għolja ħafna fil-prezz, ma tkunx waħda li huma jistgħu jaffordjaw minħabba li ma jkollhomx f’idhom il-mezzi finanzjarji rikjesti.

Dan ukoll qed iwassal biex tant familji u persuni individwali jkollhom jirrikorru għall-kirjiet. Dan fih innifsu qiegħed ikompli jżid mad-domanda tal-kirjiet.

Bernard Grech qal li filwaqt li jifhem li kulħadd għandu d-dritt li jimmassimizza l-valur tal-proprjetà tiegħu, hi tal-mistħija kif ċerti proprjetajiet f’ċerti lokalitjiet – proprjetajiet tassew żgħar u mingħajr kumditajiet bażilari – qed jinkrew għal flejjes kbar. Dan qiegħed jiġri għaliex ħafna drabi qed jirriżulta li min ikun irid jikri jkun ‘rikattat’ għaliex ma jkollu l-ebda alternattiva oħra.
Tajjeb li wieħed japprezza li dawn in-nies ħafna drabi ma jkunux jixtiequ li jabitaw fi proprjetajiet sub-standard imma ma jkollhomx għażla oħra.

Mistoqsi dwar familji u individwi – Maltin u barranin li qegħdin jabitaw fil-garaxxijiet, Bernard Grech beda biex spjega l-kunċett ta’ garaxx x’inhu.

Hu qal li garaxx normalment ikun inbena mhux għal skop ta’ abitazzjoni. Fil-fatt ħafna drabi jirriżulta li ma jkollux il-ventilazzjonijiet meħtieġa. Jirriżulta li s-sitwazzjoni tkompli taggrava meta tali garaxxijiet ikunu xi sular jew tnejn taħt l-art u jkunu jifformaw parti minn kumpless ta’ garaxxijiet. Allura apparti mill-problema tan-nuqqas ta’ ventilazzjoni jkun hemm ukoll il-problema tan-nuqqas ta’ dawl naturali u ta’ sigurtà.

Tajjeb li jingħad ukoll li saħansitra hawn familji jew individwi li qed jgħixu f’garaxxijiet li anqas fihom servizzi ta’ dawl, ilma u drenaġġ. Allura l-ħajja ta’ dawn il-familji jew individwi ssir aktar stressanti.

Bernard Grech qal li hu f’dan il-kuntest ħolistiku li l-awtoritajiet iridu jintervjenu għaliex kollox jindika li l-kirjiet fil-fatt se jkomplu jiżdiedu fil-prezz.

Hawnhekk għamilha ċara li meta qed jitkellem dwar intervent mill-awtoritajiet dwar din il-problema serja, qiegħed jeskludi li dan l-intervent ikun fir-rigward tad-determinazzjoni tal-prezzijiet fis-suq.
Hemm soluzzjonijiet oħrajn li wieħed jista’ jidħol għalihom u dawn jinkludu l-kontroll tan-natura, it-tip u l-istandard tal-proprjetà li tkun qed tinkera; l-użu aħjar tal-proprjetajiet abbandunati (vojta) li hawn madwarna b’mod partikulari fiċ-ċentri tal-ibliet u l-irħula u dan billi jingħataw inċentivi differenti u mhux biss finanzjarji lis-sidien oriġinali tagħhom, u lil dawk li jistgħu jakkwistaw tali proprjetà; u li tinstab alternattiva għas-sussidji fuq il-kirjiet peress li issa hu ċar li anki dawn is-sussidji komplew jgħollu l-prezz tal-kirjiet.

Bernard Grech temm li din il-kwistjoni tal-kirjiet u l-fatt li hawn żieda qawwija ta’ persuni jabitaw fil-garaxxijiet, ma għandha qatt issir ballun politiku. Fl-aħħar mill-aħħar il-persuni li qegħdin ibatu huma Maltin jew barranin, nies ta’ ġilda ċara jew skura, Nazzjonalisti u Laburisti…u anki nies li f’ċirkostanzi normali ma humiex kunsidrati fqar.