Lokali Saħħa

AĠĠORNATA: L-anzjani li hemm fi 3 swali se jiġu trasferiti; tħassib anke fost l-istaff

Anzjani vulnerabbli "qed jibku" għax se jiċċaqalqu lejn Tas-Sliema

Mdwar 100 anzjan li jinsabu fis-swali St Jeanne D’Antide, Santa Bernardetta u San Ġorġ Preca f’Monte Karmeli se jiġu trasferiti għal dar privata tal-anzjani fi żmien ħmistax.

Aħbar illi waslet bħala sorpriża għall-qraba ta’ dawn l-anzjani illi huma fost l-aktar vulnerabbli li għandna f’pajjiżna. U propju minħabba f’hekk, dan it-trasferiment jaf ikun ta’ detriment kbir fuq saħħithom.

“L-anzjani qed jibku litteralment. Ma jridux imorru Tas-Sliema”, qalilna wieħed mill-persuni li għandu qraba f’Monte Karmeli.

Apparti r-residenti, anke l-istaff ta’ Monte Karmeli għadhom fl-għama dwar x’se jiġri minnhom. B’kollox hemm 50 impjegat jaħdmu f’dawn it-tliet swali. “F’salt wieħed infurmawna li rridu nevakwaw”, qalilna wiħed mill-infermiera.

Net News jinsab infurmat li l-kundizzjoni fis-sala Jeanne D’Antide f’Monte Karmeli fl-aħħar ħames snin kompliet tmur għall-agħar. Fl-2006, Gvern Nazzjonalista kien investa mal-€400,000 biex infetħet din is-sala.