Qed ngħixu f’sitwazzjoni fejn il-Gvern qed jgħid li l-Ekonomija sejra tajjeb, iżda mbagħad tiltaqa’ ma’ nies li lanqas qed ilaħħqu mal-ħajja ta’ kuljum.
Hekk innota l-Membru Parlamentari Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista Francis Zammit Dimech, matul id-Djalogu fil-Każin tal-Partit f’Ħaż-Żabbar.
Hu appella biex il-flus li jdaħħal il-pajjiż ma jibqgħux jintużaw għal tal-qalba, iżda għall-poplu kollu u biex jittaffew il-weġgħat tan-nies, bħal dawk li jbatu mid-dijabete u li qed ikollhom jixtru l-apparat biex jikkontrollaw din il-kundizzjoni minn buthom.
Francis Zammit Dimech kompla li hu tal-mistħija wkoll kif l-Istudenti tagħna mhux jingħataw frott u ħaxix frisk, filwaqt li qed jingħataw ukoll ħalib qares.
Il-Membru Parlamentari Ewropew qal li taħt it-tmexxija ta’ Adrian Delia, il-Partit Nazzjonalista qed jibqa’ Partit qrib in-Nies, filwaqt li appella għal-lealtà u l-impenn lejn il-Partit, li hu magħmul minn mużajk sħiħ fejn kulħadd jista’ jsemma’ leħnu.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista David Stellini fakkar kif fi żmien Gvernijiet Nazzjonalisti, isem Malta dejjem kien rispettat fl-Ewropa.
Madankollu, illum dan m’għadux il-każ, partikolarment meta tisma’ lill-Membri Parlamentari Ewropej li qed jinvestigaw is-Saltna tad-Dritt f’Malta jgħidulek li ġew f’pajjiżna u telqu minn hawn aktar imħassba minn kemm ġew.
Dwar il-fondi li pajjiżna jista’ jikseb mill-Unjoni Ewropea, hu appella lill-Prim Ministru Muscat biex ikun għaqli u determinat daqskemm kien l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi ħalli jġib fondi għal pajjiżna daqskemm irnexxielhom iġibu l-istess Lawrence Gonzi u Richard Cachia Caruana.
David Stellini għalaq b’appell biex fl-elezzjonijiet tas-sena d-dieħla, jingħata vot ta’ fiduċja fl-Unjoni Ewropea u fil-Partit Nazzjonalista, taħt it-tmexxija ta’ Adrian Delia.
//= $special ?>