Lokali

AĠĠORNATA: Ħaddiema tal-Gvern jibnu “veranda” lill-Ministru Carmelo Abela – Sunday Times

Il-Ministru jirrifjuta intervista irrekordjata; jgħid li jrid jiċċekja

Il-gazzetta The Sunday Times illum żvelat kif ħaddiema tal-Gvern ġew imqabbda jibnu struttura tal-injam biex isservi bħala veranda fid-dar privata tal-Ministru Carmelo Abela fiż-Żejtun. Il-veranda allegatament inbniet waqt il-ħin tax-xogħol, u l-ħidma kienet ko-ordinata mill-mara tal-Ministru.

Il-gazzetta tikkwota sorsi li tkellmu mat-Times fl-aħħar xhur, u li jindikaw kif ix-xogħol sar minn tal-anqas żewġ ħaddiema mill-uffiċċju tal-Ministru. Wieħed minnhom hu mastrudaxxa, li mar diversi drabi fid-dar ta’ Carmelo Abela biex ikejjel il-post eżatt fejn kellha tiġi żviluppata din il-veranda – struttura li tidher ukoll minn ritratt li ġie ppubblikat mit-Times.

Jirriżulta li nies imlaħħqa sew fil-Ministeru kienu jafu b’dan kollu. Filwaqt li x-xogħol sar fil-garaxx ta’ dan il-mastrudaxxa f’Ħal Qormi, ukoll fil-ħin meta suppost kien qed jaqdi doveri pubbliċi.

It-Times qed tgħid li l-ħaddiema tħallsu biss tal-materjal.

Meta konfrontat b’dan il-każ, Carmelo Abela ma aċċettax li jagħti intervista irrekordjata.

Qal biss li ried jiċċekja sew għaliex ma jafx min bnielu din il-veranda fid-dar tiegħu stess.

Tasal l-istqarrija tal-Ministru

Imma kif wieħed kien jistenna, il-Ministru spicca irreagixxa il-Hadd wara li harget l-istorja fil-gazzetta u bl-istqarrija tieghu IKKONFERMA li sar dan ix-xoghol. Carmelo Abela qal li x-xoghol sar fl-2015, u din kienet biss – skont hu – struttura zgħira tal-injam. Saħaq li x-xoghol sar fil-gurnata tas-Sibt.

“Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin qed iwaqqa’ isem Malta u għandu jerfa’ r-responsabbilità politika” – PN

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Carmelo Abela qed iwaqqa’ isem Malta meta qed jirrifjuta li jerfa’ r-responsabbilità politika quddiem il-fatti ċari mikxufin ilbieraħ mis-Sunday Times dwar abbuż ċar ta’ poter meta qabbad ħaddiema tal-Gvern jagħmlu xogħol fid-dar privata tiegħu.

Iddikjara dan il-Partit Nazzjonalista li fi stqarrija fakkar li l-ħaddiema tal-Gvern huma mħallsin mit-taxxi tan-nies u qegħdin hemm biex jagħtu servizz pubbliku u mhux biex jagħmlu xogħol privat lill-Ministri. Meta l-Ministru Abela jrid jagħmel xi xogħol fid-dar tiegħu, għandu joħroġ il-flus minn butu, kif jagħmlu n-nies, u mhux minn but ħaddieħor.

Il-ġurnaliżmu investigattiv li kixef lill-Ministru Abela wera li l-Ministru għall-Affarijiet Barranin mhux kapaċi jispjega kif ħaddiema tal-Gvern għamlulu xogħol fid-dar tiegħu u l-Ministru ma kienx kapaċi jipprovdi xi fatti li juru li ħallas lill-ħaddiema tal-Gvern minn butu għax-xogħol tagħhom.

Dan l-abbuż ta’ poter minn flus il-poplu min-naħa tal-Ministru Abela sar meta hu kien Ministru għall-Intern u meta suppost kien fid-dmir li jara li dak li għamel hu ma jsir minn ħadd, aħseb u ara kemm jagħmlu hu. Dan jaggrava l-każ.

F’pajjiżi oħrajn, każi bħal tal-Ministru Abela jġibu riżenja jew tkeċċija. L-eksPresident tal-Afrika ta’ Isfel Jacob Zuma, kien imdaħħal fi skandlu simili ta’ xogħol fid-dar tiegħu minn ħaddiema pubbliċi. Din kienet waħda mir-raġunijiet li Jacob Zuma tneħħa minn President tal-Afrika ta’ Isfel fi Frar li għadda, aktar minn sena qabel kien jagħlaqlu ż-żmien fil-kariga.

Il-Ministru Abela diġà kien inqabad f’abbuż ieħor waqt li kien Ministru għall-Intern. Hu kien ipprova jindaħal f’investigazzjoni dwar frodi. F’każ ta’ ndħil simili fl-Irlanda f’investigazzjoni tal-Pulizija, kienet irriżenjat il-Ministru responsabbli li kienet ukoll id-Deputat Prim Ministru Frances Fitzgerald.

Il-Partit Nazzjonalista jsejjaħ lill-Ministru Carmelo Abela biex jerfa’ r-responsabbilità ċara tiegħu għaliex hi ħaġa serja li quddiem l-Ambaxxaturi u r-rappreżentanti ta’ pajjiżi barranin li jrid jiltaqa’ magħhom, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin hu mdaħħal f’każ bħal dan li f’pajjiżi oħrajn iġib riżenja.Jekk Carmelo Abela għandu l-iċken sens ta’ mistħija, għandu jkollu d-diċenza minima jevita aktar twaqqigħ ta’ isem Malta mill-Gvern Laburista.