Lokali

Ian Borg iwarrab bil-pulit lil James Piscopo għal kontroll assolut

Is-Super Minister Ian Borg jemmen tassew li jista’ jieħu f’idejh it-tmexxija tal-Partit Laburista u jsir Prim Ministru hekk kif Joseph Muscat iwarrab minn dawn il-karigi fix-xhur li ġejjin.

F’laqgħat stretti ma’ grupp ċkejken ta’ persuni meqjusa qrib ħafna tiegħu, Ian Borg qiegħed ikompli jfassal l-istrateġija tiegħu biex ladarba Joseph Muscat iħabbar it-tluq tiegħu minn Prim Ministru u Mexxej tal-Partit, allura hu joħroġ b’saħħtu fuq diversi livelli.

Ian Borg, li kien hemm min diġà avviċinah biex jamalgama miegħu għal din it-tellieqa, jemmen ħafna fih innifsu li jista’ jkun l-outsider li finalment jirbaħ hu din it-tiġrija.

Tlieta oħra huma l-kontendenti prinċipali għal dawn il-karigi – l-Ewro Parlamentari Miriam Dalli li tibda favorita minħabba l-imbuttaturi minn Kastilja; il-Ministru Chris Fearne li wkoll qed jifrex is-sodda tiegħu fost id-delegati; u l-Avukat u Konsulent ta’ Kastilja Robert Abela li qiegħed ikabbar iċ-ċirku ftit ftit.

Ian Borg jemmen li mill-pożizzjoni li jokkupa ta’ Super Minister jista’ jwassal messaġġ qawwi ħafna billi jwettaq b’suċċess proġetti kapitali kbar filwaqt li direttament jew indirettament jaqdi lil dawk li potenzjalment jistgħu jagħmlu differenza meta tiġi biex issir l-għażla.

Għalkemm f’James Piscopo, iċ-Chairman u l-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni ta’ Transport Malta, kien jara ħabib u spalla, il-fatt li l-istess James Piscopo jirriżulta li se jkun qed jimbotta l-kandidatura ta’ Miriam Dalli u mhux tiegħu, darsitu tassew.

Hu sigriet magħruf li James Piscopo hu ħabib personali tal-Prim Minstru tant li kien l-istess Joseph Muscat li kien ħatru bħala l-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni tal-Partit Laburista fil-mument li l-Partit kien qiegħed jimmodernizza lilu nnifsu.

Hu sigriet magħruf ukoll li Joseph Muscat u ta’ madwaru fit-tluq ta’ Joseph Muscat iridu jilagħbu sigur u f’Miriam Dalli jaraw il-persuna li tista’ tkompli tmexxi fuq il-linji eżistenti u mingħajr ma jkunu kkreati perikli għall-istess tmexxija preżenti.

Salv dawn l-assigurazzjonijiet, James Piscopo jirriżulta li ngħaqad mat-tim ta’ Joseph Muscat fl-imbottatura sottili ta’ Miriam Dalli u dan iffastidja lil Ian Borg li kellu pjani li jafda aktar f’idejn James Piscopo.

L-affarijiet għal Ian Borg jidher li komplew jikkomplikaw ruħhom dwar il-proġetti kapitali kbar li għandu quddiemu, primarjament dawk konnessi mat-toroq – fosthom il-proġett tas-€700 miljun – fejn Ian Borg jidher li jrid li l-ewwel xogħlijiet jibdew mill-inħawi tad-Distrett tiegħu biex hekk iwassal messaġġ fost il-kostitwenti.

Hawnhekk jidher li nqala’ l-ewwel diżgwid bejn Ian Borg u James Piscopo bir-riżultat kien li Ian Borg u Kastilja qablu li James Piscopo jkun imbottat biex jieħu f’idejh l-Awtorità tal-Artijiet. Għal din il-kariga f’Awtorità li għad trid tistabbilixxi ruħha, għad trid tinħareġ sejħa għall-applikazzjoni iżda kollox hu diġà moħmi u lest iddisinjat għal James Piscopo.

Jekk fil-ġimgħat li għaddew, wara r-riżenja ta’ Carlo Mifsud, beda jissemma’ l-isem ta’ Johann Buttigieg li minn Chairman tal-Awtorità tal-Ippjanar imur fl-Awtorità tal-Artijiet, is-sorsi li tkellmu ma’ il-mument qalu li dak id-diskors kollu kien diversiv għall-aħħar għaliex min hu viċin Johann Buttigieg jixhed tajjeb kemm dan sejjer tajjeb.

Madwar dawn in-nies hemm għadd ta’ persuni li qed jagħmlu minn kollox biex ikomplu jaħtfu u jiffangaw billi jassiguraw li jew jibqgħu jokkupaw ċerti pożizzjonijiet, jew inkella b’riżultat tat-taqlib li se jsir huma wkoll ikunu f’ċerti pożizzjonijiet fejn jieklu b’numru ta’ ħluq.

Li hu fiċ-ċert hu li Ian Borg mhux lest iħalli dan iċ-ċans jaħrablu minn idejh u għalhekk qed jagħmel ċerti manuvri issa biex ikun firex is-sodda għal meta jasal il-waqt.

Id-dispjaċir tiegħu jibqa’ li m’għandux l-appoġġ ta’ Kastilja, anki jekk fil-Kabinett hu fost il-Ministri li l-aktar li jsarrfu. Sempliċiment jixtieq li fid-deher, minn Kastilja, ma ssirlux ħsara biex hekk ikun jista’ jaħdem il-kampanja tiegħu bl-aħjar mod possibbli… fosthom billi b’mod sottili jwarrab lil dawk li potenzjalment jistgħu jkunu ta’ xkiel għall-miri tiegħu.

Il-każ ta’ James Piscopo hu konferma ta’ dan, fejn persuna li dwaru kien jingħad li kien qed tagħmel xogħol tajjeb, qatt ma kellu jitneħħa u jitwarrab meta fit-tmun tal-Awtorità tal-Artijiet faċilment seta’ nstabet persuna oħra.