Internazzjonali

Ikomplu dwar il-protesti fil-Ġordan

Bejn is-Sibt u l-Ħadd, għat-tielet lejl konsekuttiv reġa’ kien hemm protesti kbar fit-toroq ta’ Amman. Dan minħabba diversi miżuri ta’ awsterità li jrid jintroduċi l-Gvern.
Qed isiru negozjati bejn l-unions u l-Gvern imma dawn is-Sibt ikkrollaw mingħajr ftehim.
Matul dawn l-aħħar portesti kien hemm inċidenti serji hekk kif folla kbira ppruvat tinġabar qrib l-uffiċċju tal-Prim Ministru f’Amman.
Kien hemm rapporti ta’ protesti anki fi bliet provinċjali. Protesti li mhux biss qed jitolbu li jitneħħew il-miżuri imma wkoll li jitneħħa l-Gvern.
Dawn il-miżuri ta’ awsterità huma meħtieġa biex il-Ġordan jingħata self ta’ 723 miljun dollaru mill-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF).
Minn Jannar, il-Ġordan, li qed ibati minn rata għolja ta’ qgħad u għandu ftit riżorsi naturali, ra diversi żidiet fil-prodotti bażiċi fosthom il-ħobż kif ukoll żidiet fit-taxxi fuq prodotti bażiċi.
Ir-Re Abdullah II qed jappella għall-kalma u biex il-Parlament imexxi djalogu dwar dawn it-taxxi ġodda. Dan apparti li insista li l-piż ma jridx jinġarr biss mill-poplu.