Minn Spanja sat-Turkija matul il-ġurnata tal-Ħadd kien hemm imwiet fost immigranti hekk kif issa bnazza t-temp u għalhekk jiżdiedu l-vjaġġi.
L-agħar każ kien dak li seħħ barra l-kosta tat-Tuneżija. Hawn tal-anqas 35 immigrant tilfu ħajjithom meta l-lanċa li kienu fuqha għerqet. Kien hemm 67 immigrant ieħor li kienu salvati.
Uffiċjali qalu li fil-maġġoranza dawk abbord il-lanċa kienu Tuneżini.
Sadattant fuq in-naħa l-oħra tal-Mediterran, barra l-kosta Torka, disa’ immigranti tilfu ħajjithom. Fost dawn il-vittmi kien hemm disat itfal. Huma mietu wara li l-lanċa tagħhom inqalbet qrib Demre fil-provinċja ta’ Antalya. Fuq il-lanċa kien hemm madwar 15-il persuna.
F’każ ieħor uffiċjali Spanjoli qalu li kienu salvati 240 persuna li kienu fuq vjaġġ lejn l-Ewropa. Meta sar is-salvataġġ, instab il-katavru ta’ persuna. Dan il-grupp kien fuq 11-il lanċa differenti.
Skont in-Nazzjonijiet Uniti, din is-sena diġà kien hemm 660 immigrant li tilfu ħajjithom waqt li kienu qed jippruvaw jaqsmu l-Mediterran.
Imwiet fost immigranti tul il-Mediterran


