Lokali

Ir-rota fantażma li tfakkar il-memorja ta’ Zoran Pavlovic

BAG Malta / Photo by: Albert Camilleri
"Bżonn ta' infrastruttura disinjata b'mod tajjeb"

It-3 ta’ Ġunju tal-2018 huwa l-ewwel Jum Dinji għar-Roti, kif ġie stabbillit min-Nazzjonijiet Uniti.

F’Malta, dan il-jum ġie ċċelebrat b’dawra bir-roti li l-Bicycle Advocacy Group (BAG) organizzat għall-membri tagħha u għal kull min jirkeb ir-rota. L-ewwel waqfa f’din ir-rotta kienet fuq il-flyover tal-Kappara fejn Zoran Pavlovic tilef ħajtu jumejn ilu wara li ttajjar minn fuq ir-rota.

Fjuri ġew mqiegħda fejn “rota fantażma” (rota miżbugħha bajda b’memorja għall vittma) fil-post tal-inċident.

It-tieni waqfa kienet max-xatt tal-Imsida fejn iċ-ċiklisti sellmu lill-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca u spjegawlha xi ftit mid-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom meta jużaw ir-rota, minħabba infrastruttura li mhix disinjata tajjeb u sewqan bl-addoċċ.

Il-President wiegħdet l-għajnuna tagħha u r-rwol tagħha ta’ medjatriċi mal-awtoritajiet, u sejħet liċ-ċiklisti ‘attivisti ta’ veru’ talli jieħdu sehem attiv ħafna biex jikkumbattu l-livelli ta’ emissjonijiet tal-karozzi, u jnaqqsu mit-traffiku.