Sport Sport Ieħor

Jorge Lorenzo jiddomina f’Mugello

Jorge Lorenzo jikseb l-ewwel rebħa ma' Ducati (Ritratt: EPA)

Jorge Lorenzo rebaħ l-ewwel tiġrija kemm ilu li ngħaqad ma’ Ducati, bit-tim Taljan jagħmel doppjetta f’Mugello. Il-ħames darbiet champion iddomina t-tiġrija wara li mar fl-ewwel post fl-ewwel kantuniera tat-tiġrija u qasam il-linja finali b’vantaġġ ta’ aktar minn sitt sekondi. B’hekk hu kiseb l-ewwel rebaħ mill-Grand Prix ta’ Valencia lura fl-2016, filwaqt li kiseb is-seba’ rebħa fl-Italja.

Andrea Dovizioso spiċċa fit-tieni post ukoll għal Ducati u rnexxielu jikkontrolla pressjoni finali ta’ Valentino Rossi li kiseb podju bit-tielet post għall-ferħ tal-partitarji preżenti. Dan il-podju għal Rossi fisser li sar l-ewwel sewwieq li kiseb aktar minn 5000 punt fil-Moto GP.

Il-leader tal-klassifika u champion renjanti Marc Marquez tal-Honda, tilef il-kontroll tal-mutur fir-raba’ dawra u spiċċa bla punti wara li temm fis-16-il post.

Lorenzo beda tajjeb u mar quddiem, b’Marquez ikollu bidu pożittiv mit-tieni filliera u beda jissielet għat-tieni post, iżda Rossi żamm il-pożizzjoni parzjalment. Madankollu fid-dawra ta’ wara hu spiċċa t-tieni wara Lorenzo. Wara li Marquez tilef il-kontroll, Rossi spiċċa wara Lorenzo, b’Dovizioso jaqbeż lil Iannone għat-tielet post. Dovizioso qabeż ukoll lil Rossi, bil-veteran Taljan imur ftit barra fl-ewwel kantuniera u nqabeż minn Iannone.

Sadanittant, Danilo Petrucci kien qed jissielet biex jerġa’ jitla’ fl-ogħla pożizzjonijiet u kien wara Rossi b’16-il dawra għat-tmiem. Hu rnexxielu jaqbeż lil Rossi filwaqt li Cal Crutchlow ingħaqad fit-taqtigħa għall-post fuq il-podju.

Lorenzo baqa’ jikkonsolida l-vantaġġ fuq quddiem, b’Dovizioso fit-tieni post filwaqt li Rossi u Iannone bdew jissieltu għat-tielet post. Rossi ħareġ minn fuq u fl-aħħar dawra anki prova jaqbeż lil Dovizioso, iżda ma kienx għad fadal dawriet, bil-pubbliku Taljan xorta kuntent li l-favorit tagħhom spiċċa mal-ewwel tlieta.

Jack Miller temm tmien tiġrijiet konsekuttivi mal-ewwel għaxra, u Dani Pedrosa u Takaaki Nakagami spiċċa barra fit-tieni kantuniera. Pol Espargaro temm ġimgħa diffiċli fil-11-il post, qabel prestazzjoni pożittiva ta’ Hafizh Syahrin.

Minkejja li ma kisibx punt, Marquez xorta għadu fuq quddiem fil-klassifika ġenerali. It-tiġrija li jmiss issir fis-17 ta’ Ġunju f’Katalunja, tiġrija li s-sena l-oħra ntrebħet minn Andrea Dovizioso.

Tags