Futbol Sport TAZZA TAD-DINJA 2018

L-Ingilterra tista’ tasal sal-aħħar stadju tat-Tazza tad-Dinja – John Obi Mikel

Il-captain tan-Niġerja John Obi Mikel qal li l-Ingilterra tista’ tisfida għar-rebħ tat-Tazza tad-Dinja. L-Ingilterra għelbet lin-Niġerja 2-1 f’partita ta’ ħbiberija lbieraħ f’Wembley Stadium b’gowls minn Gary Cahill u Harry Kane. Il-plejer ta’ Arsenal Alex Iwobi naqqas id-distakk fil-bidu tat-tieni taqsima għan-Niġerja, li wkoll qed jippreparaw għat-Tazza tad-Dinja, iżda t-tim Ingliż għamlu biżżejjed biex jassiguraw ir-rebħa.

L-eks midfielder ta’ Chelsea lagħab il-partita sħiħa u kien impressjonat minn dak li ra mit-tim ta’ Southgate. “Naħseb li għandhom ċans tajjeb ħafna li jaslu sal-aħħar għaliex tista’ tħoss l-enerġija u l-aspett żagħżugħ fit-tim. Kien għalhekk li kellna ftit problemi fl-ewwel taqsima, minħabba r-ritmu li għandhom fit-tim. Fit-tieni taqsima kkoreġejna xi żbalji u lagħbna ħafna aħjar. Naħseb li t-tim Ingliż għandu ċans tajjeb,” qal Mikel.

In-Niġerja kienu ddominati mill-Ingilterra fl-ewwel taqsima, iżda wara l-mistrieħ wettqu reazzjoni. Mikel li għandu 31 sena jemmen li l-iskwadra tista’ tiżviluppa flimkien hekk kif imorru lejn ir-Russja. “Aħna tim żagħżugħ u rridu nitgħallmu. Hu tajjeb għal dan it-tim li jkollu togħma ta’ dak li se niffaċċjaw ir-Russja. Irridu nitgħallmu flimkien bħala tim, irridu nitjiebu u għalhekk lagħbna logħba kontra tim ta’ kwalità biex inkunu nafu fejn qegħdin u mmorru lura għat-taħriġ biex nippruvaw nitjiebu,” żied jgħid Mikel.

Huma qed jittamaw li fit-Tazza tad-Dinja jistgħu jaqbżu r-rawnd tal-aħħar 16, stadju li waslu fih fl-aħħar edizzjoni fil-Brażil. It-tim ta’ Gernot Rohr jinsab fi Grupp D flimkien mal-Arġentina, l-Iżlanda u l-Kroazja.