Il-Prim Ministru Joseph Muscat għadu jirrifjuta dibattitu mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia. Issa li għaddiet sena mit-tieni leġiżlatura tiegħu bħala Prim Ministru, Muscat jibqa’ jaħrab milli jiffaċċja wiċċ imb wiċċ lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista f’dibattitu.
Dan minkejja l-opportunitajiet u l-istediniet li saru lill-Prim Ministru għal dibatttitu mal-Kap tal-Oppożizzjoni.
F’rapport estensiv fil-faċċata tal-gazzetta il-mument, jingħad illi Muscat qiegħed juri li jrid jibqa’ sieket u ma jkunx espost għal konfront mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista. L-ewwel sena ta’ din it-tieni leġiżlatura wara li sena ilu kien sejjaħ elezzjoni sena qabel quddiem allegazzjonijiet serji dwar korruzzjoni li ffaċċja Muscat u l-Gvern tiegħu, Muscat illum jinsab għal darb’oħra fi kriżijiet li ħoloq hu stess u li ħolqu wkoll dibattitu u protesti li nfirxu fuq skala nazzjonali.
F’Jannar ta’ din is-sena, meta kienet qamet id-diskussjoni dwar is-saltna tad-dritt fejn kien ġie implikat li l-Partit Nazzjonalista qed jaqbel mal-Gvern li f’Malta m’hawnx problema ta’ saltna tad-dritt, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia sfida lill-Prim Ministru għal dibattitu – liema dibattitu Muscat ħarab.
Saru wkoll stediniet minn żewġ programmi li jixxandru fuq l-istazzjon nazzjonali għal dibattitu bejn iż-żewġ mexxejja – kemm minn Xarabank u anke Xtra. Għal dawn iż-żewġ stediniet, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia aċċetta d-dibattitu, iżda għall-kuntrarju ta’ dan – il-Prim Ministru Joseph Muscat ma aċċettax li jiddibatti mal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.
Hu ċar li l-Prim Ministru Muscat hu skomdu jwieġeb quddiem il-poplu dwar l-aġir u deċiżjonijiet poltiiċi li ħa u qiegħed jieħu, u skomdu jiffaċċja lill-Kap tal-PN Adrian Delia.
//= $special ?>