Futbol Sport

Neymar jiskorja fir-ritorn tiegħu

Neymar jiċċelebra wara li fetaħ l-iskor (Ritratt: EPA)

Neymar iċċelebra r-ritorn mistenni tiegħu minn injury b’gowl mill-isbaħ, hekk kif il-Brażil għelbet lit-tim nazzjonali tal-Kroazja 2-0 f’Anfield, f’partita ta’ ħbiberija bi preparazzjoni għat-Tazza tad-Dinja. Neymar kien ilu nieqes mil-logħob mill-25 ta’ Frar meta fekkek wieħed mis-swaba u weġġa’ l-għaksa fil-partita bejn PSG u Olympique Marseille.

Hu daħal bħala sostitut fil-bidu tat-tieni taqsima u pprovda mument ta’ ispirazzjoni fid-69 minuta. Willian li kellu logħba tajba, qabad ballun minn nofs il-grawnd u qassam lejn Neymar fuq in-naħa xellugija. Il-plejer ta’ 26 sena daħal fil-kaxxa u ġibed għan-nofs fejn qabeż żewġ difensuri u spara wara Subasic.

Dan il-gowl kien l-54 wieħed għal Neymar ma’ pajjiżu, u jonqsu gowl biex jilħaq lil Romario fit-tielet post fil-lista ta’ kull żmien wara Pele u Ronaldo.

Roberto Firmino li wkoll daħal bħala sostitut, ta pjaċir lill-partitarji ta’ Liverpool f’Anfield, bit-tieni gowl ftit sekondi qabel it-tmiem tal-partita, meta qabbeż mill-kaxxa fuq Subasic.

L-ewwel logħba minn Grupp E tal-Brażil fit-Tazza tad-Dinja hi kontra l-Iżvizzera. Il-ħames darbiet rebbieħa, għandhom partita ta’ ħbiberija oħra kontra l-Awstrija fi Vienna fl-10 ta’ Ġunju.

Guerrero jirritorna b’doppjetta

Il-Perù wkoll kisbet rebħa fil-preparazzjoni tagħhom wara li għelbu lill-Arabja Sawdija 3-0 f’St. Gallen, l-Iżvizzera. Il-captain Paolo Guerrero li kien qed jirritorna, skorja doppjetta tlitt ijiem biss wara li tneħħiet parzjalment is-sospensjoni ta’ 14-il xahar fuq id-doping.

L-attakkant ta’ 34 sena skorja t-tieni u t-tielet gowl wara li Andre Carrillo kien fetaħ l-iskor b’xutt mill-ewwel mill-isbaħ. Din kienet l-ewwel logħba ta’ Guerrero mil-logħba kontra l-Arġentina f’Ottubru li għadda.