Dan hu Gvern li ttradixxa lill-ħaddiema u bil-mod, in-nies qed jindunaw. Dan hu Gvern li miegħu qed jistgħanew ftit persuni u fejn il-ġid li qed jinħoloq bit-tkabbir ekonomiku mhux qed jasal għand kulħadd.
Hekk qal il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta indirizza attività politika f’Ħaż-Żabbar. Hu qal li n-nies qed jinsterqu bil-kontijiet tad-dawl u l-ilma għax il-Gvern qed iħaddem ħażin is-sistema tal-ħruġ tal-kontijiet.
Dan qed iwassal biex in-nies jirċievu l-kontijiet aktar spiss u aktar għoljin. Fil-fatt, mill-istħarriġ li għamel il-Partit Nazzjonalista fuq il-kontijiet ttieħdu fid-Dar Ċentrali, irriżulta li 80 fil-mija ħallsu sa 650 ewro aktar milli suppost għad-dawl u l-ilma.
Adrian Delia qal li dan qed ikun ikkonfermat mill-istatistika tal-Eurostat, fejn ingħad li l-kontijiet f’pajjiżna żdiedu b’7 fil-mija fi żmien meta l-prezz internazzjonali kien wieħed stabbli.
Min-naħa l-oħra, sostna li l-Gvern injora għal kollox l-ilmenti tan-nies, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jkun il-vuċi tal-familji li qed iħallsu aktar milli suppost għax jemmen f’soċjetà li jimpurtaha, fejn il-konsumatur ma jinsteraqx għas-servizz li jikkonsma.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li jrid soċjetà li jimpurtaha u li ħadd ma jbati, speċjalment dawk li qed jispiċċaw jgħixu fil-garaxxijiet jew li qed jaffaċċjaw ħlasijiet għoljin għall-akkomodazzjoni. Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista se jkun il-vuċi ta’ dawk li m’għandhomx vuċi biex ħadd ma’ jibqa’ lura u t-tkabbir ekonomiku verament jilħaq lil kulħadd.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li jrid soċjetà li jimpurtaha mill-ġustizzja u mis-serjetà għax il-Gvern mhux qed iħares ir-reputazzjoni tajba ta’ Malta, li nbniet matul is-snin mill-Gvernijiet Nazzjonalisti. Minflok, il-Gvern għażel li jaċċetta u jħajjar li jiġu f’Malta nies li mhux serji u li għamlu ħsara lis-settur tas-Servizzi Finanzjarji, bħall-Bank Pilatus.
Adrian Delia qal li fejn tidħol Malta, irridu nkunu leħen wieħed u b’vuċi waħda favur il-Maltin. Dan meta l-Ewropa tat lill-Gvern 13-il rakkomandazzjoni biex insaħħu l-istituzzjonijiet u s-Saltna tad-Dritt. Tenna l-istedina lil Joseph Muscat biex flimkien niddefendu r-reputazzjoni ta’ Malta, għalkemm il-Gvern għażel li jwarrab ir-rakkomandazzjonijet li sarulu.
//= $special ?>