Novak Djokovic jinsab fil-kwarti tal-finali tar-Roland Garros wara li għeleb lil Fernando Verdasco 6-3, 6-4, 6-2. Is-Serb li rebaħ it-tournament fl-2016, baqa’ ma tilifx set mill-bidu tal-kompetizzjoni. L-avversarju li jmiss se jkun Marco Cecchinato li għeleb lil David Goffin 7-5, 4-6, 6-0, 6-3.
Fl-ewwel tliet logħbiet tal-ewwel set, it-tnejn kellhom l-opportunità li jirbħu, iżda l-abbiltà ta’ Djokovic li jitlef punt biss fit-tieni service kien importanti. Djokovic żied il-kontroll tal-logħba b’żewġ breaks minn service ta’ Verdasco, bit-tnejn ikollhom 12-il winner.
Is-sid numru 20 żamm il-kontroll tul il-logħba biex kiseb is-sitt rebħa konsekuttiva kontra l-Ispanjol ta’ 34 sena, li kien qed ifittex l-ewwel kwarti tal-finali f’Pariġi.
Alexander Zverev irnexxielu jgħaddi mal-aħħar tmienja ta’ Grand Slam għall-ewwel darba, b’rebħa kontra Karen Khachanov b’ħames sets. Iż-żewġ plejers qatt ma kienu waslu mal-aħħar tmienja, iżda finalment kien Zverev li kellu bżonn tliet sigħat u 29 minuta biex jirbaħ 4-6, 7-6, 2-6, 6-3, 6-3.
Il-Ġermaniż li rebaħ titli f’Munich u Madrid f’dan l-istaġun, sar l-iżgħar tennist li wasal sal-kwarti tal-finali tar-Roland Garros minn Juan Martin del Potro fl-2009. L-avversarju ta’ Zverev se jkun l-Awstrijak Dominic Thiem li għeleb lil Kei Nishikori 6-2, 6-0, 5-7, 6-4.
Thiem li għandu 24 sena, rebaħ l-ewwel żewġ sets faċilment, b’Nishikori jagħmel 16-il unforced error. Iżda Nishikori rebaħ it-tielet set biex reġa’ fetaħ il-logħba. Thiem għamel 12-il unforced error, iżda rnexxielu jżomm il-kontroll tiegħu nnifsu biex għadda wara sagħtejn u 28 minuta.
//= $special ?>