Lokali

QUDDIEM IT-TAĦWID FIL-KONTIJIET TAD-DAWL: Muscat jinjora għal kollox l-ilmenti tal-familji

Jiftaħar b'dak li hu sejjaħ "rekord ta' miżuri"

Waqt li kien qed jitkellem fuq l-istazzjon laburista dalgħodu, il-Prim Ministru Joseph Muscat għażel li jinjora kompletament l-eluf ta’ familji li qed jilmentaw fuq iż-żidiet fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Minflok, hu stqarr illi jinsab sodisfatt li l-manifest elettorali qed jitwettaq.

F’kollegament telefoniku ta’ ftit minuti Joseph Muscat ma lissen l-ebda kelma dwar il-kontijiet tal-ARMS.

Taħt Gvern Laburista, in-nies mhux biss qed jirċievu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma aktar spiss mingħand l-ARMS, iżda qed jirċievuh ogħla.

Dan jirriżulta minn stħarriġ li sar fuq l-ewwel 100 kont li n-nies ġabu magħhom għand il-Partit Nazzjonalista wara sejħa li għamel il-Kap tal-Partit Adrian Delia. Minn dan l-istħarriġ jirriżulta li minn 100 familja, madwar 80% spiċċaw iħallsu aktar milli suppost, bid-diskrepanzi fil-ħlasijiet ivarjaw bejn €6 u €600 fis-sena.