Futbol Sport

Silvio Vella jsejjaħ l-iskwadra finali għal kontra l-Iżvezja

(Ritratt: Domenic Aquilina)

Il-kowċ nazzjonali ta’ taħt il-21 sena Silvio Vella sejjaħ l-iskwadra finali ta’ 18-il plejers għall-partita minn Grupp 6 tal-fażi ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew kontra l-Iżvezja. Il-partita se tintlagħab il-Ħamis li ġej fl-Istadium taċ-Ċentinarju fil-5.30pm.

Vella inkluda s-sitt plejers li kienu parti mit-tim nazzjonali tal-kbar waqt il-kamp ta’ taħriġ ta’ sebat ijiem fl-Awstrija. Il-captain Jake Grech, Jurgen Degabriele, Joseph Mbong u Dunstan Vella li kollha għamlu d-debutt mat-tim nazzjonali fil-partiti ta’ ħbiberija kontra l-Armenja u Georgia, u Myles Beerman u Kyrian Nwoko, kollha ngħaqdu ma’ sħabhom wara l-esperjenza mat-tim nazzjonali.

Il-winger ta’ Victoria Hotspurs Christian Mercieca, li rebaħ l-aqwa plejer tal-GFA, ġie msejjaħ għall-ewwel darba.

Silvio Vella jinsab kuntent bil-progress fil-preparazzjoni tat-tim għall-konfront diffiċli kontra l-Iżvezja. “It-taħriġ kien intensiv, il-plejers irrispondew tajjeb u l-kundizzjoni fiżika hi tajba. Il-preparazzjonijiet għal-logħba kontra l-Iżvezja se jżidu għada meta s-sitt plejers li kienu mat-tim nazzjonali A jirritornaw magħna,” qal Vella.

It-tim Malti ta’ taħt il-21 sena, għadu qed ifittex l-ewwel punt f’dan il-grupp. Iż-żgħażagħ Maltin se jilagħbu l-aħħar erba’ logħbiet f’darhom. Minbarra l-konfront tal-Ħamis li ġej, Malta tilgħab kontra l-Belġju fis-7 ta’ Settembru, kontra l-Ungerija fit-12 ta’ Ottubru u kontra Ċipru fis-16 ta’ Ottubru.

Skwadra finali

Gowlkipers: Jake Galea (Ħamrun Spartans), Matthew Grech (Floriana)

Difensuri: Jean Borg (Valletta), Kurt Shaw (Sliema Wanderers), Karl Micallef (Ħamrun Spartans), Dunstan Vella (Hibernians), Neil Tabone (Żejtun Corinthians)

Midfielders: Juan Corbalan (Gżira United), Michele Sansone (Sliema Wanderers), Jake Grech (Birkirkara), Nikolai Muscat (Gżira United), Zachary Scerri (Gżira United), Christian Mercieca (Victoria Hotspurs), Zachary Brincat (Mosta)

Attakkanti: Jurgen Degabriele (Hibernians), Myles Beerman (Glasgow Rangers), Joseph Mbong (Hibernians), Kyrian Nwoko (Valletta)