Futbol Sport

Spanja miżmuma mill-Iżvizzera

Thiago Alcantara ssikkat minn Valon Behrami (Ritratt: EPA)

Żball rari tal-gowlkiper Spanjol David de Gea wassal biex Spanja spiċċaw fi draw ta’ 1-1 kontra l-Iżvizzera. L-Ispanjoli ddominaw mingħajr ma rnexxielhomx isarrfu d-dominanza f’gowls.

Id-difensur ta’ Real Sociedad Alvaro Odriozola skorja l-ewwel gowl internazzjonali b’xutt sabiħ mill-ewwel fid-29 minuta. L-Iżvizzeri ġabu d-draw fit-62 minuta, b’de Gea jonqos li jżomm xutt dgħajjef ta’ Stephan Lichtsteiner, b’Ricardo Rodriguez jiskorja f’lasta vojta.

Il-kowċ Spanjol Julen Lopetegui beda mingħajr il-plejers ta’ Real Madrid filwaqt li l-midfielder ta’ Barcelona ma lagħbx minħabba uġigħ fl-istonku. Il-midfielder veteran Andres Iniesta lagħab l-aħħar logħba mat-tim nazzjonali fi Spanja hekk kif mistenni jirtira mit-tim nazzjonali wara t-Tazza tad-Dinja. Hu kienu mibdul kmieni fit-tieni taqsima bħala prekawzjoni wara li ħass xi uġigħ fl-irkoppa.

Spanja tilgħab l-aħħar partita ta’ ħbiberija kontra t-Tuneżija s-Sibt li ġej, qabel ma tiftaħ l-impenji minn Grupp B kontra l-Portugall f’Sochi fil-15 ta’ Ġunju. L-Iżvizzera tilgħab f’pajjiżha kontra l-Ġappun il-Ġimgħa.

L-Ukrajna b’rebħa kbira

F’logħba oħra, l-Ukrajna ta’ Andriy Shevchenko rebħet 4-1 kontra l-Albanija, b’Yevhen Konoplyanka u Andriy Yarmolenko jiskorja doppjetta kull wieħed.

Konoplyanka fetaħ l-iskor fil-31 minuta, b’sieħbu jirdoppja erba’ minuti wara. Yarmolenko żied ieħor fl-ewwel minuta tal-ħin żejjed. Emanuele Ndoj naqqas id-distakk fit-88 minuta, iżda Konoplyanka għamilhom 4-1 fid-90 minuta.