Lokali

Abbużi u laxkezzi fit-Taqsimiet tal-Forensika u tan-Nisa

Rapport publikat fil-faċċata ta' In-Nazzjon

Uffiċjali tal-Ħabs li f’dawn il-jiem tkellmu ma’ In-Nazzjon żvelaw kif fit-Taqsima Forensika, li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Ħabs u li tinsab fl-Isptar Monte Carmeli, hemm abbużi u laxkezza kbira tant li hu l-impenn ta’ ħafna priġunieri li jagħmlu minn kollox biex jintbagħtu jservu s-sentenza li jkollhom hemmhekk.

Jirriżulta li grazzi għan-nuqqas ta’ interess mit-Tmexxija preżenti tal-Ħabs, fosthom ta’ persuni bħal Mariella Camilleri, l-Aġent Direttur tal-Ħabs; Saviour Lia li jokkupa l-kariga ta’ Correctional Manager; u Robert Edminson, l-Amerikan suppost kwalifikat li hu responsabbli mis-Sigurtà, li qajla jidhru fil-Forensic Section, kulma jmur l-abbużi u l-laxkezza qegħdin ikomplu jikbru.

Aspett inkwetanti ħafna f’din it-Taqsima hu dak tas-sigurtà fejn hemm min jiddeskrivi s-sitwazzjoni bħala waħda ta’ sigurtà minima għall-aħħar jew kważi ineżistenti.

Tant is-sitwazzjoni hi waħda rilassanti, li hi prassi regolari wkoll li priġunieri jitqabbdu jaħslu l-karozza privata ta’ ċerti Uffiċjali tal-Ħabs.

Naturalment dan ma jsirx ta’ xejn għaliex imbagħad tali priġunieri jkollhom il-benefiċċju li jkollhom visti aktar spissi mill-qraba tagħhom. Jirriżulta fil-fatt li ġieli kienu osservati każijiet fejn priġunier partikulari kellu saħansitra tliet visti f’jum wieħed biss!

Laguna oħra hi fir-rigward tat-tfittxijiet li jsiru fuq il-persuni tal-viżitaturi fejn ukoll hemm laxkezza kbira bil-possibbiltajiet li dak li jkun jista’ jdaħħal miegħu dak kollu li jkun irid għaliex iċ-ċansijiet li jinqabad huma minimi.

Anki fid-Division fejn qed jinżammu l-priġunieri nisa hemm nuqqasijiet kbar ħafna bil-kwistjoni saħansitra fil-jiem li għaddew tqum quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja li kien kostrett jikteb lill-Ministru Michael Farrugia biex mhux biss jiġbidlu l-attenzjoni dwar dak li qed jiġri hemmhekk, imma biex jinvestiga bis-serjetà l-allegazzjonijiet ta’ priġunieri nisa li allegaw li qed ikunu trattati b’mod xejn dekoruż u dinjituż.

Fid-dawl ta’ sitwazzjoni li ħarbet minn kull kontroll ukoll issa hemm min qed jaħseb li l-Assistant Correctional Manager Nigel Bruno jintbagħat biex jieħu ħsieb jikkontrolla s-sitwazzjoni fid-Diviżjoni tan-Nisa.

Nigel Bruno hu ċ-Chairman tal-Bord tad-Dixxiplina fl-istess Diviżjoni u hemm numru ta’ riservi kemm din id-deċiżjoni hi waħda għaqlija.