Il-President Sirjan Bashar al-Assad qed jippjana li jagħmel żjara statali fil-Korea ta’ Fuq.
Jekk din iż-żjara sseħħ, din se tkun l-ewwel darba li Kim Jong-un, il-mexxej tal-Korea ta’ Fuq, se jkun qed jilqa’ kap ta’ Stat minn mindu tela’ fil-poter fl-2011.
Tul dawn l-aħħar ġimgħat Kim kien impenjat ħafna diplomatikament fosthom bi żjara fiċ-Ċina u summit issa fi ftit ġranet oħra mal-President Donald Trump f’Singapore. Dan apparti s-summit mal-President tal-Korea t’Isfel.
Iż-żewġ pajjiżi għandhom relazzjonijiet tajbin u kienu akkużati b’koperazzjoni bejniethom fl-iżvilupp tal-armi kimiċi.
L-aħbar ingħatat mill-aġenzija uffiċjali tal-aħbarijiet tal-Korea ta’ Fuq, il-KCNA, iżda ma ngħatat ebda data meta se ssir. L-aġenzija kienet qed tikkwota lil Assad li qal li se jżur Pyongyang hekk kif ingħata l-kredenzjali minn Mun Jong-nam, l-Ambaxxatur ġdid tal-Korea ta’ Fuq għas-Sirja.
Il-Korea ta’ Fuq kienet stabbilit relazzjonijiet diplomatiċi mas-Sirja fl-1966 u saħansitra kienet bagħtet truppi u armi lejn is-Sirja waqt il-gwerra li kien hemm ma’ Iżrael f’Ottubru tal-1973.
Fi Frar, rapport tan-Nazzjonijiet Uniti akkuża l-Korea ta’ Fuq li bejn l-2012 u l-2017 kienet għenet lis-Sirja tiżviluppa l-armi kimiċi.
Assad se jżur il-Korea ta’ Fuq


