Uffiċjal eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada kkonferma fil-Qorti li Edward Caruana talbu jgħaddilu ċ-ċekkijiet għall-pagamenti lill-kuntratturi bir-raġuni li tah tkun li b’hekk ikun jista’ jikkordina aħjar xogħlu.
Brian Giorgio, li jaħdem fl-accounts, iddikjara li hu għamel dan wara li talab permess u dan ingħatalu mis-superjuri tiegħu.
Il-każ hu dwar skandlu żvelat lejn l-aħħar tal-2016 fejn jingħad li Edward Caruana, canvasser tal-Ministru Evarist Bartolo, qassam personalment mad-€9 miljun f’ċekkijiet lil għexieren ta’ kuntratturi u nies li taw xi servizzi jew fornew xi materjal għal proġetti fi skejjel tal-Gvern.
Dan kollu f’perjodu ta’ madwar tliet snin, li matulhom Caruana kien imexxi l-proġetti infrastrutturali tal-istess Fondazzjoni.
Fil-Qorti, fejn Caruana qed jaffaċċja akkużi ta’ frodi, korruzzjoni, falsifikazzjoni ta’ dokumenti u tixħim, Brian Giorgio ddikjara li t-talba kienet waħda mhux tas-soltu.
Dan għaliex normalment min kellu pagament pendenti kien jiġbor iċ-ċekk personalment, wara li jipprovdi irċevuta fiskali u jiffirma reġistru bl-iskop li jkun hemm rekord tal-pagament.
Għall-kuntrarju, ħadd ma ffirma għaċ-ċekkijiet imqassma minn Caruana, li fil-maġġoranza tagħhom kienu għal xogħol f’Għawdex. Saħansitra anke l-irċevuti fiskali għaddew għand il-Fondazzjoni minn Caruana nnifsu.
Il-każ ikompli fil-ġimgħat li ġejjin.
//= $special ?>
