Lokali

KONFERMA LI L-LIĠI SARET BL-GĦAĠLA: Chris Fearne idoqq l-irtirata

Il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne dalgħodu daqq l-irtirata fuq l-emendi li ressaq hu stess dwar il-Liġi tal-protezzjoni tal-Embrijuni. Dan meta ftit tal-jiem ilu, minkejja l-protesti kbar fit-toroq u l-appell għall-konsultazzjoni, il-Gvern baqa’ jirrombla minn fuq kulħadd u ivvota favur il-liġi fi stadju ta’ Tieni Qari.

Fil-fatt, il-Gvern dalgħodu ressaq diversi emendi għal-liġi tal-protezzjoni tal-embrijuni u fost l-oħrajn iddikjara li s-surrogacy se titressaq f’liġi separata.

Fid-dibattitu Parlamentari dwar l-Awtorità tal-Protezzjoni tal-Embrijuni, l-Viċi-Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li oriġinarjament il-Gvern kien qed jintroduċi l-anonimità fejn il-wild ma jkunx jaf minn fejn ġiet id-donazjzoni iżda issa kien deċiż li jagħmel emenda u jmur fuq il-mudell tal-Fillandja fejn waqt li donatur ma jkunx jaf min ta d-donazzjoni, il-wild meta jagħlaq 18-il sena jkollu d-dritt li jkun jaf min hu d-donatur.

Fil-Parlament tkellem ukoll id-deputat Claudio Grech illi spjega li din il-mossa tal-Gvern li jdaħħal is-surrogacy mhux se sseħħ għaliex il-Gvern kellu bidla fil-kuxjenza, iżda biex jara kif idaħħalha separatment. Essenzjalment il-gvern qed jipposponi d-diskussjoni għal darb’oħra.

Skont l-emendi, issa se jinżamm reġistru ta’ min ikunu ta d-donazzjonijiet biex il-wild ikun jista’ jarah.

Il-Gvern ibiddel il-pożizzjoni tiegħu dwar l-embrijuni